Iffirmat L-Ewwel Ftehim Kollettiv Għall-Impjegati Tas-Servizz Parlamentari
Il-ħaddiema tal-Parlament se jibdew igawdu minn pagi u kundizzjonijiet aħjar ta’ xogħol permezz tal-ewwel ftehim kollettiv li ġie konkluż mal-General Workers Union (GWU) wara li fl-2017 daħal fis-seħħ l-Att dwar is-Servizz Parlamentari li stabbilixxa l-awtonomija amministrattiva ta’ din l-istituzzjoni.
Il-ftehim kien iffirmat mill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia, bħala Kap tas-Servizz Parlamentari, mill-Iskrivan tal-Kamra, is-Sur Raymond Scicluna, mis-Segretarju tat-Taqsima tal-GWU għall-Gvern u Entitajiet Pubbliċi s-Sur Kendrick Bondin, u mill-Assistent Segretarju s-Sur George Zahra flimkien mar-rappreżentanti tal-ħaddiema s-Sa Claudine Parnis u s-Sur Stephen Grech. Preżenti għal din l-okkażjoni kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-GWU s-Sur Josef Bugeja.
F’kelmtejn tal-okkażjoni l-Ispeaker Farrugia rringrazzja lill-amministrazzjoni tal-Parlament, lill-uffiċjali tal-GWU kif ukoll lill-uffiċjali tal-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) is-Sur Mario Sacco u lis-Sa Antoinette Aquilina li pparteċipaw b’mod attiv fl-ewwel fażi tad-diskussjonijiet.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia u s-Sur Kendrick Bondin awguraw li dan il-ftehim kollettiv ikun għodda sabiex dawk il-ħaddiema li huma kapaċi u li jkunu kommessi lejn il-ħidma tagħhom ikollhom opportunità biex jimxu ‘l quddiem, u sabiex is-servizz ikun jista’ jattira nies kwalifikati u ta’ esperjenza li jikkontribwixxu għal titjib kemm f’dik li hi amministrazzjoni tal-istituzzjoni kif ukoll f’dik li hi għajnuna li jingħataw il-Membri tal-Kamra tad-Deputati.