Il-Kunsill Għall-Affarijiet Ġenerali Tal-Unjoni Ewropea Jirrikonoxxi R-Riformi Li Pajjiżna Għamel Fl-Aħħar Snin

 Il-Kunsill Għall-Affarijiet Ġenerali Tal-Unjoni Ewropea Jirrikonoxxi R-Riformi Li Pajjiżna Għamel Fl-Aħħar Snin

Malta għamlet progress qawwi fejn tidħol is-saltna tad-dritt permezz tar-riformi illi saru matul l-aħħar snin. Dan kien rifless fid-diskussjoni li seħħet waqt il-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali (KAĠ) tal-Unjoni Ewropea fil-Lussemburgu. L-istati membri u anke l-Kummissjoni Ewropea nnotat l-avvanzi li saru u inkoraġġit lil Malta biex tkompli timxi fuq dawn il-passi. Flimkien mar-rapport dwar Malta, ġew diskussi ukoll ir-rapporti dwar il-Lussemburgu, l-Ungerija, l-Olanda u l-Awstrija, bħala parti mid-diskussjoni dwar is-saltna tad-dritt li fiha jipparteċipaw l-istati membri kollha.

Preżenti għal-laqgħa tal-KAĠ kien hemm il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg fejn sostna illi l-ħidma li pajjiżna għamel f’dawn l-aħħar xhur u snin qed tiġi rikonoxxuta mill-Kummissjoni Ewropea u oħrajn. Matul id-diskors tiegħu huwa sostna kif is-sena 2020 u 2021 kienu snin importanti fejn saru riformi ġudizzjarji u istituzzjonali bla preċedent anke skont rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni Venezja.

Il-Ministru Borg, fid-diskors tiegħu, fakkar kif pajjiżna għamel riformi kostituzzjonali essenzjali, li wħud minnhom l-aħħar darba li kienu riveduti kien meta Malta ħadet l-Indipendenza lura fl-1964. Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej spjega fid-dettal uħud mir-rifomi li saru, fosthom l-investiment qawwi fir-riżorsi tal-Korp tal-Pulizija, it-tisħiħ tal-Kummissjoni Permanenti kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, ix-xogħol fuq l-istrateġija diġitali nazzjonali tal-ġustizzja u r-riforma l-ġdida fil-ħatriet tal-ġudikatura u uffiċjali oħrajn.

Il-Ministru Ian Borg tkellem ukoll dwar ir-riformi li qed jagħmel pajjiżna fis-settur tal-midja fejn fost oħrajn tkellem dwar ix-xogħol li qed jagħmel il-kumitat ta’ esperti tal-midja. Huwa rrefera għal uħud mill-emendi li kienu sotomessi lil dan il-kumitat għall-konsultazzjoni u spjega kif se jkun qed ikompli x-xogħol hekk kif jerġa’ jiftaħ il-Parlament Malti.

Dr Borg spjega li minkejja li sar ħafna xogħol huwa rrikonoxxa li għad fadal xi jsir sabiex pajjiżna jkun jista’ jibqa’ miexi ‘il quddiem. “Għadna ma wasalnix, però l-Gvern Malti huwa kommess li jibqa’ għaddej b’dan il-pass qawwi ta’ riformi. Inħares ‘il quddiem illi fiż-żmien li ġej inkun nista’ niġi hawnhekk biex nagħtikom aġġornament dwar riformi oħra li qed naħdmu fuqhom, fosthom l-istrateġija diġitali nazzjonali tal-ġustizzja, it-tkomplija tal-bidla tar-responsabbiltajiet tal-prosekuzzjoni ta’ reati serji għall-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u t-tisħiħ tal-indipendenza tat-tribunali speċjalizzati.”, sostna l-Ministru Borg waqt il-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali.

Il-Ministru Ian Borg temm jgħid illi l-Gvern fl-aħħar ġimgħat ingħata mandat ċar mill-poplu u għandu r-rieda li jkompli jaħdem fuq dawn it-tip ta’ riformi li jkomplu jġibu l-bidla.

Il-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali addotta wkoll leġislazzjoni li tiżgura u tassigura it-tkomplija tal-provvista ta’ mediċini għal Malta, l-Irlanda u Ċipru għat-3 snin li ġejjin. Dawn it-tliet stati membri jistgħu jibqgħu jagħmlu dan mis-suq tar-Renju Unit.​

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com