Il-Maskri Fl-Iskejjel Mhux Se Jibqgħu Obbligatorji U Se Jkunu Permessibbli S-Self-Testing Kits
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne dalgħodu qal li għalkemm il-każijiet attivi żdiedu matul dawn l-aħħar jiem, l-ammont ta’ każijiet fl-ITU baqgħu baxxi. Huwa qal li bħalissa fl-ITU hemm 5 persuni biss. Il-Ministru Chris Fearne qal li n-numri fl-Isptar baqgħu baxxi għaliex il-vaċċin għen biex nilqgħu għal dan il-virus.
Il-Ministru Fearne qal dan f’intervista telefonika fuq il-programm TVAM hekk kif huwa wkoll bħalissa jinsab pożittiv għall-Covid-19.
Il-Ministru Chris Fearne ħabbar li se jkun qed jiġi offrut b’mod volontarju t-tieni booster għal persuni vulnerabbli u residenti fid-djar tal-anzjani.
Ħabbar ukoll li se jkunu permessibbli s-self-testing kits permezz ta’ avviż legali li se jidħol fis-seħħ. Il-Ministru Fearne qal li l-Gvern xorta waħda se jibqa’ joffri ttestjar b’xejn, però wieħed se jkun jista’ jixtri self-testing kit li jkunu approvati mill-Awtorità tal-Mediċina. Wieħed għandu jkun responsabbli u jinforma lit-tabib tiegħu jekk jinstab pożittiv filwaqt li joqgħod fi kwarantina.
Il-Ministru Chris Fearne fakkar ukoll li minn nhar il-Ħadd li ġej, 10 ta’ April se jkunu jistgħu jsiru attivitajiet bilwieqfa fuq barra mingħajr restrizzjonijiet u ċertifikati. Dawk li jsiru fuq ġewwa se jkun hemm bżonn li wieħed juri ċ-ċertifikat filwaqt li dawk li jsiru bilqiegħda m’hemmx għalfejn ta’ ċertifikat.
Dan ifisser li minn nhar il-Ħadd li ġej se jkunu jistgħu jerġgħu jibdew jiġu organizzati l-festi u ċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi, kif ukoll avvenimenti oħra ta’ divertiment, kulturali u soċjali.
Il-Ministru Chris Fearne ħabbar ukoll li l-maskri fl-iskejjel mhux se jibqgħu obbligatorji minn wara l-vaganzi tal-Għid.