Il-Ministru Ian Borg Jistieden Lill-President Ukren Zelenskyy Biex Jindirizza Lill-Parlament Malti
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Ian Borg fuq il-mezzi soċjali tiegħu qal li għadu kemm tkellem mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ukren Dmytro Kuleba.
Il-Ministru Borg qal li Dmytro Kuleba qal li l-Gvern Ukren huwa grat ħafna lejn Malta u l-għajnuna li qed tingħata fosthom dik umanitarja, interventi mediċi, fil-qasam edukattiv kif ukoll billi qed jkunu milqugħa refuġjati Ukreni wkoll.
“Infurmajtu kif Malta hija b’mod sħiħ parti mis-sanzjonijiet imposti fuq ir-Russja mill-Unjoni Ewropea u kommessi li nimplimentawhom,” tenna Borg, filwaqt li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ukren fehem għaliex Malta sa issa għadha ma keċċietx diplomatiċi Russi, u dan minħabba ċ-ċokon tal-Ambaxxata Maltija f’Moska.
Il-Ministru Ian Borg talab lil Dmytro Kuleba sabiex il-President Zelenskyy jindirizza lill-Parlament Malti wara li jerġa’ jiftaħ, “liema talba kienet apprezzata u wegħdni li ser jirrakomanda sabiex dan isir,” temm jgħid Borg.