Il-MPE Alex Agius Saliba Mistieden Jiltaqa’ Mal-Ġganti Tat-Teknoloġija Amerikana F’Silicon Valley

 Il-MPE Alex Agius Saliba Mistieden Jiltaqa’ Mal-Ġganti Tat-Teknoloġija Amerikana F’Silicon Valley

Mit-23 sas-27 ta’ Mejju, delegazzjoni mill-Kumitat tas-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumaturi tal-Parlament Ewropew se żżur il-kwartieri ġenerali ta’ diversi kumpaniji f’Silicon Valley ġewwa l-Istati Uniti.

Il-MPE Alex Agius Saliba ġie nnominat mill-grupp politiku tiegħu tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, bħala wieħed minn tmien Membri Parlamentari Ewropej biex jifforma parti minn din id-Delegazzjoni.

Il-vjaġġ se jiġi kkoordinat mill-Kumitat għas-Suq Intern tal-Parlament Ewropew u l-għan tiegħu huwa li jeżamina l-aħħar żviluppi tas-suq diġitali fl-Istati Uniti u fl-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-opportunitajiet u l-isfidi fir-rigward tal-iżvilupp u l-użu ulterjuri tal-kummerċ elettroniku, l-Intelliġenza Artifiċjali, il-protezzjoni tal-konsumaturi, il-pjattaformi onlajn u l-ekonomija kollaborattiva.

Bħala parti mid-delegazzjoni, il-MPE Alex Agius Saliba se jkollu l-opportunità li jesperjenza direttament u jiddiskuti mal-ġganti tat-teknoloġija tal-Istati Uniti, bħal Google, META u Apple, l-ekonomija diġitali li hija dipendenti ħafna fuq il-kumpaniji tat-teknoloġija tal-Istati Uniti li jmexxu l-aġenda globali.

“Iż-żjara tad-Delegazzjoni f’Silicon Valley ġiet fi żmien ta’ interess akbar għall-Istati Uniti fl-infurzar tal-anti-trust u aktar pressjoni fuq ir-regolamentazzjoni diġitali. Dan l-aħħar qbilna dwar ir-regoli diġitali l-ġodda li għandhom l-għan li jieħdu lura l-kontroll diġitali fl-Ewropa, jippreservaw id-demokrazija, u jasserixxu regoli ċari u trasparenti biex jimmassimizzaw il-benefiċċji u jtaffu l-ħsara li qed issir dejjem aktar evidenti,” qal il-MPE Alex Agius Saliba.

Id-Delegazzjoni se tkun qed iżżur il-kwartieri ġenerali ta’ Meta (Facebook, Instagram, WhatsApp), u Google, kif ukoll żjarat u laqgħat ma’ Airbnb, eBay, PayPal, HP, Cloudflare, u Electronic Frontier Foundation.

“Ser ikollna maratona ta’ laqgħat organizzati f’Silicon Valley, iżda ser ikun importanti għalina li nifhmu dak li jagħmel dan il-post tant speċjali. Il-possibbiltà ta’ skambju dirett ukoll mal-awtoritajiet lokali, il-kumpaniji (kbar u żgħar) u l-istituzzjonijiet akkademiċi tista’ tkun ta’ valur kbir għad-diskussjonijiet attwali fl-Unjoni Ewropea u ser tipprovdi opportunità eċċellenti biex nitgħallmu aktar dwar kwistjonijiet attwali relatati mal-fajls tas-suq uniku diġitali li qed jiġu diskussi.” spjega il-MPE.

Il-MPE Alex Agius Saliba qal ukoll li huwa importanti li d-delegazzjoni tiddiskuti personalment u tisma’ l-pożizzjonijiet tal-kumpaniji Amerikani, in-negozji ġodda, u kif ukoll l-akkademja u l-uffiċjali tal-gvern, dwar il-pakkett tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-Att dwar is-Swieq Diġitali, u kif ukoll leġiżlazzjoni diġitali oħra li qed titħejja.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com