Il-Partit Laburista Jfakkar Il-Memorja Ta’ Manwel Dimech
Fi Pjazza Kastilja ġiet imfakkra l-memorja ta’ Manwel Dimech, persuna bi prinċipji sodi u li t-twemmin tiegħu fil-ġustizzja soċjali u l-identità nazzjonali għadhom validi sal-lum.
Meqjus bħala wieħed mill-ewwel progressivi f’Malta, Manwel Dimech iddefenda d-drittijiet tal-ħaddiema. Huwa meqjus ukoll bħala wieħed mill-ġganti tal-istorja ta’ Malta, viżjonarju politiku, li ħadem favur il-Malti għax kien jemmen li l-Malti jista’ jasal fejn jixtieq bis-saħħa tal-ħiliet tiegħu u mingħajr il-barrani.
Manwel Dimech se jibqa’ mfakkar bħala l-Malti li emmen f’pajjiżu u n-nies tiegħu meta kważi ħadd iktar m’emmen. Fuq kollox il-Malti li emmen fiż-żgħir u l-ħelsien tiegħu. Manwel Dimech jibqa’ ta’ ispirazzjoni għalina lkoll għax iġġieled sal-aħħar għall-ħolma li kellu għal pajjiżna.
Għal din iċ-ċerimonja, kien hemm preżenti d-Deputat Prim Ministru, Chris Fearne u l-amministrazzjoni tal-Partit Laburista fejn poġġew bukkett fjuri f’riġlejn il-mafkar ta’ Manwel Dimech. Preżenti wkoll għal din it-tifkira kien hemm membri mill-familja ta’ Manwel Dimech.