Il-Partit Nazzjonalista Jisħaq Li Għandha Tinstab Soluzzjoni Ġusta Għall-Istudenti

 Il-Partit Nazzjonalista Jisħaq Li Għandha Tinstab Soluzzjoni Ġusta Għall-Istudenti

“Il-Ministeru tal-Edukazzjoni għadu ma ħareġ b’ebda soluzzjoni sabiex kulħadd jingħata l-opportunità li jagħmel l-eżamijiet fi żmienhom.”

Dan qalu l-Kelliem tal-PN għall-Edukazzjoni, Justin Schembri b’referenza għal sitwazzjonijiet fejn studenti li ser jagħmlu l-eżamijiet tagħhom fil-livell Ordinarju, Intermedjaru u Avvanzat u li ser ikunu mitluba jagħmlu kwarantina obbligatorja minħabba li jew jinsabu pożittivi għall-COVID-19 huma jew minħabba membri tal-familja.

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista saħaq li għandha tinstab soluzzjoni ġusta għal dawk l-istudenti tal-Livell Ordinarju, Intermedjaru u Avvanzat li minħabba kwarantina mandatorja ser jitilfu l-possibbiltà li jkomplu javvanzaw ’il quddiem għaliex ma jkollhom ebda għażla li jirrepetu l-eżamijiet (inkluż dawk Orali) fi żmien propizju imma jkollhom jagħmluh fis-sessjoni tar-Resit.

Madankollu, il-Partit Nazzjonalista jifhem id-diffikultajiet loġistiċi tal-MATSEC u għalhekk irid ikun hemm aktar kordinazzjoni bejn il-MATSEC, il-Ministeru u l-Istituzzjonijiet Edukattivi li jilqgħu fihom l-istudenti minn Settembru.

Sa issa, dawk kollha li tilfu jew se jitilfu l-eżamijiet Orali, se jkunu qed jitilfu mill-marki allokati għal din il-ħila. Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jisħaq li għandhom isiru l-arranġamenti neċessarji biex tingħata l-istess opportunità ugwali lil dawk kollha li jkunu maqbuda fi kwarantina u ma jitħallewx jistennew sa Settembru. Kwalunkwe deċiżjoni, għandha tkun ikkomunikata fl-immedjat. Fir-rigward tal-Università, l-eżamijiet fil-format online għandhom ikunu kkunsidrati sabiex tkun eliminata l-problema kompletament la darba l-Università diġà għandha s-sistema ‘wiseflow’ adattata u li tħaddmet b’suċċess.

Min-naħa l-oħra l-Partit Nazzjonalista, jilqa’ b’sodisfazzjon il-linji gwida l-ġodda għall-iskejjel b’effett mill-25 ta’ April filwaqt u jistenna li fl-istituzzjonijiet edukattivi kollha, l-edukaturi u l-istudenti għandhom jitħallew fil-libertà jattendux bil-maskri jew mingħajr il-maskri bla ebda diskriminazzjoni.

Fl-istess waqt, il-Partit Nazzjonalista jinkoraġġixxi lill-Awtoritajiet sabiex jassiguraw li jibqgħu jittieħdu l-miżuri ta’ prekawzjoni fl-istituzzjonijiet edukattivi fosthom id-distanza soċjali, l-iġjene u l-ventilazzjoni, dan għaliex qed ikun innutat li ħafna mill-miżuri ta’ prekawzjoni mhumiex qed ikunu osservati dejjem u b’responsabbiltà.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com