Il-PM Robert Abela Jżur L-Istabbiliment DARI – Intrapriża Li Timmanifattura Prodott Lokali
Waqt żjara fis-showroom DARI fiż-żona industrijali tal-Ħandaq f’Ħal Qormi, il-Prim Ministru Robert Abela nnota mill-ġdid il-bżulija tal-imprenditur Malti u t-talent lokali li kapaċi jimmanifattura prodott ta’ livell għoli mill-bidu sal-aħħar.
DARI, li tifforma parti minn SAW Ltd u b’esperjenza ta’ iżjed minn 30 sena fil-manifattura industrijali, toffri għażla wiesa’ ta’ għamara manifatturata kompletament mill-ideat u l-kreattività ta’ mħuħ Maltin.
Matul iż-żjara, il-Prim Ministru tenna kif kumpanija bħal DARI ħaqqha kull tifħir għaliex anki f’mumenti ta’ sfidi internazzjonali li affaċċjat d-dinja kawża tal-pandemija, it-tmexxija tal-grupp baqgħet waħda reżiljenti u innovattiva.
Id-Direttur u l-Kap Maniġerjali ta’ DARI, Stephen Azzopardi qal li wara 30 sena ta’ esperjenza fil-manifattura kummerċjali, it-tim ħass il-ħtieġa li fis-suq lokali jimbarkaw fuq proġett li joffri għażla ta’ għamara domestika manifatturata lokalment u bi kwalità għolja, kemm mill-aspett tal-prodott innifsu u anki mid-disinn. “Minħabba f’hekk wittejna t-triq u bdejna noffru dan is-servizz lil konsumatur Malti. Dan kien possibbli għax investejna total ta’ €1.5 miljun f’showroom ġdida tal-ogħla livell li tesibixxi varjetà ta’ kċejjen, kmamar tas-sodda u living areas,” qal is-Sur Azzopardi.
Mark Cassar, Commercial & Brand Manager, spejga li l-isem DARI attwalment jirrifletti dak kollu li huwa Malti. “Ridna dan l-isem għaliex xtaqna nwasslu messaġġ li dan ix-xogħol huwa lokali, mid-disinn ewlieni sal-produzzjoni finalizzata. Ridna wkoll nagħfsu fuq l-importanza li dan il-prodott huwa addattat għad-djar Maltin u jolqot il-gosti tal-konsumatur Malti. B’hekk il-konsumatur huwa ċ-ċentru ta’ din il-brand,” sostna s-Sur Cassar.
Is-Sur Cassar spjega wkoll kif DARI trid tkun ta’ eżempju minn aspett sostenibbli f’dak kollu li tipproduċi. “DARI timmanifattura l-prodott kollu lokalment u konsegwentament, il-proċess qed iħalli impatt inqas fuq l-ambjent għaliex loġistikament it-trasportazzjoni hija minimizzata kważi għal kollox,” qal is-Sur Cassar.
Huwa tenna wkoll li l-fabbrika taħdem b’effiċjenza qawwija grazzi għall-aħħar teknoloġija fil-makkinarju li nxtara, tagħmel użu minn dawl naturali filwaqt li tiġġenera persentaġġ sostanzjali tal-konsum tal-elettriku permezz tal-PV panels. Il-proċess fil-fabbrika ma jiġġenerax skart addizzjonali minħabba li l-materjal żejjed jerġa’ jiġi użat jew riċiklat.
Filwaqt li fil-preżent DARI tħaddem total ta’ 70 persuna, il-kumpanija qed tippjana li tkabbar it-tim tagħha bil-għan li tkompli taqdi l-konsumatur Malti b’iżjed effiċjenza u f’qasir żmien.
Ritratti: DOI