Il-President Ta’ Malta Jżur Iċ-Ċentru Terapewtiku Tal-Ibwar Immexxi Minn Caritas Malta
Il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Miriam Vella żaru ċ-Ċentru Terapewtiku Tal-Ibwar għall-adolexxenti li għandhom problema ta’ sustanzi (droga jew alkoħol). Bħalissa 26 żagħżugħ u żagħżugħa qed jibbenefikaw mis-servizzi offruti f’dan iċ-ċentru mmexxi minn Caritas Malta.
Fi tmiem laqgħa privata mal-ħames żagħżugħ u żagħżugħa li qed isegwu l-programm residenzjali, il-President Vella rrifletta dwar is-sens ta’ mħabba li qed jirċievu dawn iż-żgħażagħ mingħand il-professjonisti li jsegwuhom. Irrimarka li kull min qed jieħu ħsiebhom qiegħed l-ewwelnett jirrispetta d-dinjità tagħhom, u qed iġiegħel liż-żgħażagħ jirrealizzaw li m’għandhomx jitwarrbu. “Dawn għad għandhom ħafna affarijiet tajbin u rridu ngħinuhom biex jerġgħu jakkwistaw ir-rispett lejhom infushom. Dan jagħmluh meta jaraw lis-soċjetà tirrispetta lilhom,” qal il-President.
Iż-żgħażagħ, li l-età medja tagħhom hija sittax-il sena u nofs, spjegaw lill-President u s-Sinjura Vella l-programmi li qed isegwu fiċ-Ċentru Tal-Ibwar. Huma tkellmu wkoll dwar l-għajnuna li jirċievu mingħand il-ħaddiema biex jegħlbu d-diffikultajiet li jgħaddu minnhom, ħafna drabi minħabba l-problema ta’ sustanzi. Il-President għaraf il-fatt li wħud miż-żgħażagħ, minkejja l-età pjuttost żgħira tagħhom, ħassew il-ħtieġa li jitolbu għall-għajnuna li sabu f’dan iċ-ċentru.
Dr Daniel Mercieca, koordinatur tal-programm f’Tal-Ibwar, qal li l-programm residenzjali huwa mibni fuq pjan imsejjaħ ‘is-seba’ sfidi’ li jinvolvi diversi interventi terapewtiċi u dawk edukattivi.
Minn Mejju tas-sena li għaddiet sal-lum, 44 każ ġew referuti għaċ-Ċentru Tal-Ibwar, b’25% minnhom kienu referuti mill-Aġenzija Appoġġ. F’dan iċ-ċentru, Caritas Malta toffri għajnuna ħolistika permezz ta’ servizzi terapewtiċi, residenzjali u ta’ matul il-ġurnata bil-għan li ż-żgħażagħ jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom. Dan iseħħ b’kollaborazzjoni mal-familji u dawk involuti fil-ħajja taż-żgħażagħ.
Ritratti: DOI