Il-Vjaġġ Appostoliku Tal-Papa Franġisku F’Malta Jiġi Fit-Tmiem
Il-Papa Franġisku temm il-vjaġġ appostoliku tiegħu f’Malta ftit tal-ħin ilu b’ċerimonja fl-Ajruport internazzjonali ta’ Malta fejn sellem lil dawk preżenti fosthom il-President George Vella u martu Miriam, il-Prim Ministru Robert Abela flimkien ma’ martu Lydia u binthom Giorgia Mae, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg, il-Kardinal Malti Mario Grech, l-Arċisqof ta’ Malta Monsinjur Charles Scicluna, l-Isqof ta’ Għawdex Anton Theuma u n-Nunzju Appostoliku Monsinjur Alessandro D’Errico fost oħrajn.
Qabel daħal fl-ajruplan il-Papa deher li kien kuntent ħafna b’din iż-żjara f’pajjiżna.
Huwa telaq abbord l-ajruplan tal-Air Malta lejn Ruma bit-titjira KM 4282. Dan in-numru jissimmbolizza t-tieni vers tat-28 kapitlu tal-Atti tal-Appostli, versi li kienu t-tema tal-vjaġġ appostoliku li għamel Papa Franġisku f’pajjiżna matul dawn il-jumejn.
L-ajruplan tat-tip Airbus A320 kien imtajjar mill-Kaptan Peter Mifsud flimkien mal-Kaptan Frank Xerri u l-Kaptan Karen Sant.
L-ekwipaġġ tal-ajruplan huwa mmexxi minn Louiselle Cauchi filwaqt li l-membri tal-ekwipaġġ abbord ser ikunu Evan Cutajar, Michelle Gatt, Yvette Mercieca, Yanika Debono, Glorianne Mifsud u Mary Mifsud.