Il-Wage Supplement Se Tiġi Estiża Għal Xahar Ieħor U Tiġi Fi Tmiemha F’Mejju

 Il-Wage Supplement Se Tiġi Estiża Għal Xahar Ieħor U Tiġi Fi Tmiemha F’Mejju

Matul dawn l-aħħar 26 xahar, permezz tal-iskema tal-Wage Supplement, l-intrapriżi u l-ħaddiema se jkunu rċevew aktar minn €720 miljun. Dan ħabbritu l-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli.

Flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise Kurt Farrugia, il-Ministru Dalli indirizzat konferenza tal-aħbarijiet fejn tħabbar li l-iskema tal-Wage Supplement se tiġi estiża għal xahar ieħor, u tiġi fi tmiemha f’Mejju.

Għal din il-konferenza attendew diversi msieħba soċjali u rappreżentanti minn trade unions.

Hekk kif feġġet il-pandemija tal-COVID 19  f’Marzu 2020, din l-iskema kienet kruċjali biex jiġu ssalvagwardjati l-postijiet tax-xogħol u l-intrapriżi Maltin. Wara diversi konsultazzjonijiet saru xi tibdiliet biex jittejjeb l-appoġġ għal dawk li ġew milquta l-aktar, in-negozji u s-self-employed.

Aktar minn 17,000 negozju kien assistit biex ‘il fuq minn 120,000 ħaddiem ibbenefika minn din l-iskema. B’dan il-mod, in-negozji żammew l-impjegati magħhom mingħajr il-bżonn li jitwaqqfu għal xi żmien u jerġgħu jiġu impjegati lura, hekk kif l-ekonomija kurrenti terġa’ tiġi lura għan-normal.

Is-setturi li rċevew l-aktar appoġġ kienu dawk tal-ospitalità u l-ikel, il-ħwienet tal-bejgħ bl-imnut, u l-industriji tas-servizzi.

Il-Ministru Miriam Dalli spjegat li l-appoġġ lin-negozji mhux se jkun qed jintemm, iżda se tingħata għajnuna biex tissaħħaħ ir-riġenerazzjoni, b’mod speċjali għall-qabża sostenibbli u diġitali.

“Il-Wage Supplement kien għodda importanti għan-negozji matul il-pandemija. Is-sapport li ngħata mill-gvern assigura li n-negozji tagħna jibqgħu għaddejjin.  Biex dawn in-negozji jibqgħu jrendu, irridu naċċertaw  li jingħata l-appoġġ li jwassalhom għal transizzjoni lejn operat ambjentalment sostenibbli flimkien ma’ dak tad-diġitalizzazzjoni. B’din it-tranżizzjoni, filwaqt li l-ekonomija tiġġenera ruħha, in-negozji għandhom iċ-ċans jikbru u jiffjorixxu”, qalet il-Ministru Dalli.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise Kurt Farrugia rringrazzja lill-ħaddiema tal-Malta Enterprise li ħadmu qatigħ biex din l-iskema tkun ta’ suċċess, kif ukoll lil dawk li bbenefikaw, li fehmu r-realtajiet li l-Malta Enterprise kellha topera fihom.

“Sa mill-ewwel jum, il-maniġment u l-ħaddiema ta’ Malta Enterprise għamlu l-għalmu tagħhom, għax fehmu li din is-sitwazzjoni se tħalli effett fuq l-għixien ta’ diversi ħaddiema fis-settur privat. Għalhekk nirringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-impenn li urew matul il-ħidma tagħhom. Filwaqt li nixtieq nirringrazzja ukoll lil benefiċjarji kollha talli mill-bidu nett fehmu r-restrizzjonijiet li kellna noperaw fihom, fejn kellna nipproċesaw eluf ta’ applikazzjonijiet mingħajr ma stajna niltaqgħu wiċċ imb’wiċċ mal-applikanti. Għaldaqstant inħarsu ‘l quddiem biex inkomplu nagħtu l-appoġġ lin-negozji lokali permezz ta’ skemi bħall-Ismart and Sustainable Investment Grant, fejn hi skema ċara kif meta wieħed jinvesti fl-ambjent u d-diġitilazzjoni verament irendi”, qal Kurt Farrugia. ​​

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com