Illejla Jibda’ Mużika Mużika!
Fadal ftit sigħat biss għall-ikbar ċelebrazzjoni ta’ mużika Maltija – il-festival Mużika Mużika qiegħed magħna! Il-preparamenti finali mit-tim ta’ Festivals Malta, il-kru tekniku u dawk kollha involuti għaddejjin ġmielhom.
Illejla ser naraw is-semifinalisti jikkompetu għal post fil-finali fejn ser nisimgħuhom jinterpretaw il-kanzunetti tagħhom għall-ewwel darba. Il-Ġimgħa, serata nostalġika bl-isem tal-Lejla tal-Klassiċi, fejn diversi artisti stabbiliti ser jidwettaw mas-semifinalisti b’interpretazzjoni mill-isbaħ ta’ kanzunetti klassiċi Maltin. Ta’ min jgħid li fl-aħħar ta’ din is-serata ser naraw liema kanzunetti ser jgħaddu għall-finali. Kollox jilħaq il-qofol tiegħu is-Sibt 23 t’April, is-serata finali, fejn naraw il-parteċipanti jkantaw il-kanzunetti tagħhom għall-aħħar darba u finalment jiġu mħabbra r-rebbieħa ta’ din l-edizzjoni.
Ftit tal-jiem ilu, t-tim ta’ Festivals Malta żvelaw l-palk spettakolari li ser jospita l-preżentaturi u l-kantanti ta’ din is-sena. Palk mill-isbaħ ddisinjat minn Gerald Agius Ordway, u mibni bl-aħħar teknoloġija, li mhux biss maħsub apposta biex jakkomoda l-orkestra live u l-kantanti, imma huwa wkoll maħsub biex joffri l-massimu fejn jidħlu viżwali u esebizzjoni tad-dawl.
Din is-sena Mużika Mużika ser ikollu wkoll udjenza fis-sala! Titlifx iċ-ċans li tesperjenza dan il-festival live mis-sala tal-MFCC, Ta Qali billi tixtri l-biljetti mis-sit www.mużika mużika.mt. Aħna ċerti li dan l-ispettaklu ser ikun tal-għola livell bħal dak tas-sena preċedenti! Titilfuħx!