Inawgurati Erba’ Vetturi Ġodda Għall-Protezzjoni Ċivili B’Investiment Ta’ €1.6 Miljun

 Inawgurati Erba’ Vetturi Ġodda Għall-Protezzjoni Ċivili B’Investiment Ta’ €1.6 Miljun

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Kalkara, il-Ministru Byron Camilleri nieda investiment ta’ €1.6 miljun f’erba’ vetturi ġodda għall-Protezzjoni Ċivili, liema vetturi huma investiment dirett fis-sigurtà tal-familji.

L-erba’ vetturi ġodda, li jinkludu heavy rescue vehicle li se jservi waqt inċidenti maġġuri, Hazmat fire fighting vehicle li se jassisti f’każ ta’ inċident bil-kimika jew radjazzjoni, u żewġ forest fire fighting vehicles maħsuba għall-ħruq ta’ ħaxix fix-xhur tas-sajf, jgħaqqdu n-numru ta’ erbgħa u tletin vettura u opra tal-baħar li nxtraw fl-aħħar sentejn biss.

Il-Ministru tenna li l-gvern qed ikompli jafferma mill-ġdid u jikkonferma l-impenn ċar u inekwivoku li jkompli jsaħħaħ id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u fuq kollox il-ħaddiema, li jagħmlu u jiffurmaw dan id-dipartiment.

“Il-Protezzjoni Ċivili taqdi rwol imprezzabbli fil-komunitajiet tagħna u lil dawn in-nies li jkunu minn tal-ewwel biex joffru l-għajnuna, li jkunu quddiem nett biex isalvaw il-ħajjiet, li jkunu hemm minn ta’ quddiem biex jagħtu l-assistenza tagħhom f’kull ċirkustanza, anke dawk ta’ periklu, mhux l-aqwa għodda rridu nagħtuhom? Dan huwa dak li qegħdin nagħmlu”, qal il-Ministru għall-Intern.

Dr Camilleri fakkar ukoll li l-investiment li qed isir fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili mhuwiex marbut biss mal-vetturi u mal-apparat iżda qed isir investiment ukoll fir-riżorsa umana, fejn apparti l-ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema, id-dipartiment investa xejn inqas minn €350,000 f’taħriġ speċjalizzat bejn l-2020 u llum u hemm pjanat li n-nefqa f’aktar taħriġ tiżdied b’€150,000 oħra.

Il-Ministru qal li l-ħidma qawwija ta’ dan id-dipartiment se tissokta fiż-żmien li ġej billi se jkompli l-programm ta’ tiġdid tal-vetturi, il-wasla ta’ dgħajsa tat-tifi tan-nar u l-bini tal-istazzjon tat-tifi tan-nar fil-Furjana.

Fl-aħħar nett, il-Ministru Byron Camilleri rringrazzja lis-Sur Emanuel Psaila, illum Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, tax-xogħol kbir li wettaq fil-Protezzjoni Ċivili.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com