Investiment Ta’ €4 Miljun Sabiex Binja Tal-Gvern Issir Aktar Effiċjenti Fl-Użu Tal-Enerġija

 Investiment Ta’ €4 Miljun Sabiex Binja Tal-Gvern Issir Aktar Effiċjenti Fl-Użu Tal-Enerġija

Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett żaru x-xogħlijiet li qed isiru fuq il-binja tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, magħrufa bħala ‘Project House’, li b’investiment ta’ madwar €4 miljun qed tinbidel biex tkun aktar sostenibbli fl-użu tal-enerġija.

Fid-diskors tiegħu l-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq dwar l-importanza ta’ dan il-proġett hekk kif din il-binja li tintuża għal skopijiet differenti se tkun ferm aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, li hija tant meħtieġa biex joperaw l-uffiċini kollha ta’ ġo fiha.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi spjega li permezz ta’ dan il-proġett se titnaqqas id-domanda tal-enerġija, u b’hekk jonqsu l-emissjonijiet, u b’riżultat ta’ dan jinħoloq ambjent aħjar għal kulħadd. Il-ministru saħaq li huwa importanti ħafna li jsiru xogħlijiet bħal dawn f’diversi binjiet pubbliċi u anke privati biex Malta tilħaq il-miri ambjentali tagħha għas-snin li ġejjin.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett spjega li x-xogħlijiet li qegħdin isiru fuq Project House huma parti minn sensiela ta’ proġetti li qegħdin isiru mill-fond għall-Irkupru u r-Reżiljenza tal-Unjoni Ewropea.

“Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen kienet sejħet il-pjan ta’ Malta bħala pjan favur l-ambjent. Fil-fatt, 54% tal-inizjattivi li hemm fil-pjan huma inizjattivi ambjentali”, qal Chris Bonett. Huwa qal ukoll li pajjiżna għandu allokat €316 miljun u se jkun qed jara li l-gvern jilħaq il-miri stabbiliti mal-Kummissjoni Ewropea u li dawn jiġu milħuqa fil-ħin.

Preżenti kien hemm ukoll id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, il-Perit Stephen Bonello, id-Direttur tad-Direttorat tad-Disinn ta’ Proġetti u Inġinerija, il-Perit Nadia Gatt Curmi, u l-Perit Anne Casha, li ħadet ħsieb il-proġett li spjegat f’aktar dettall.

Ix-xogħlijiet li saru jikkonsistu  fi twaħħil ta’ insulation boards mal-faċċati tal-binja kif ukoll qoxra fuq barra bil-ġebel tal-qawwi lokali fejn inħolqot sistema ta’ ventilated cavity. L-aperturi saru kollha bi frame tal-aluminium thermal break bi ħġieġ double glazed. Fuq il-bejt inqala’ l-kontrabejt eżistenti biex tqiegħed l-insulation u wara reġa’ tqiegħed kontrabejt ġdid li ngħata kisja heat reflective.

Ġew installati aktar pannelli fuq il-bejt kif ukoll oħrajn li twaħħlu  fuq il-faċċati li jħarsu lejn in-Nofsinhar. F’dawn il-faċċati tqegħdu louvres quddiem it-twieqi biex jaqtgħu s-sħana tax-xemx fis-sajf. Barra minn hekk, ġew installati sistemi ċentralizzati ta’ air conditioning VRF  li huma iktar effiċjenti. Tqiegħdet ukoll Building Management System (BMS) li topera bħala sistema ta’ mmaniġġjar tal-enerġija għas-servizzi kollha u b’hekk se tirriżulta fi tnaqqis tal-użu tal-enerġija. Dan il-proġett huwa mistenni li jitlesta sa Ġunju li ġej.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com