“Iridu Jiġu Attirati Industriji Ġodda Li Jrendu Aktar Xogħol Ta’ Kwalità” – Ivan Castillo

 “Iridu Jiġu Attirati Industriji Ġodda Li Jrendu Aktar Xogħol Ta’ Kwalità” – Ivan Castillo

“Ir-regolamenti fil-qasam tax-xogħol għandhom jissalvagwardjaw l-interessi ta’ kulħadd, kemm id-dinjitá tal-ħaddiem u anke l-kompetittivitá tan-negozju li jħaddem. Wieħed mis-swieq li qed jikber huwa dak tal-gig economy li qed joħloq impjiegi mhux dejjem fissi jew b’kuntratti definiti. Dawn huma mħaddma l-iktar f’dik li tissejjaħ platform economy li toffri servizzi varji permezz ta’ interazzjoni diġitali bejn il-bejjiegħ u l-konsumatur.”

Dan qalu l-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Marittimu u x-Xogħol Ivan Castillo fi stqarrija fejn saħaq li l-PN huwa favur it-tisħiħ ta’ dawn is-servizzi, madankollu Malta għandha ssaħħaħ il-qafas regolatorju biex is-servizzi offruti jibqgħu jiżdiedu iżda tissalvagwardja li l-impjiegi jkunu ta’ kwalità u mhux b’kundizzjonijiet prekarji.

Fl-istqarrija l-PN jinnota b’dispjaċir dak li għadu jiġri fl-oqsma bħal tal-couriers. Id-dipartiment tar-relazzjonijiet industrijali investiga u sab kif diversi aġenziji tal-ingaġġar tal-ħaddiema taw jew qed jagħtu kuntratti jew kundizzjonijiet b’mod irregolari lil diversi food couriers. “Madankollu, huwa ta’ tħassib ikbar kif kumpaniji li jridu jittempraw mal-liġi u r-rakkomandazzjonijiet tad-DIER qed isibu li m’hemmx level playing field,” sostna Ivan Castillo.

Huwa tenna li d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali għandu jingħata l-għodda kollha meħtieġa biex tiżdied il-ħidma u jkunu ndirizzati nuqqasijiet fis-suq tax-xogħol. “Inħeġġu ukoll biex ir-rakkomandazzjonijiet isiru regoli u jkunu jgħoddu għal kulħadd. Mhux ġust li tixxekkel il-kompetittività tal-ekonomija minħabba abbużi fis-sistema,” qal Ivan Castillo.

Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li l-pajjiż għandu joħloq klima biex f’Malta jiġu attirati industriji li jrendu iktar fil-kwalità. “B’qafas regolatorju ġust għal kulħadd, il-platform economy tista’ toffri valur miżjud iżda dan m’għandux ikun għad-detriment tal-ħaddiema.”

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com