“Jekk Nibqgħu Flimkien, Xejn U Ħadd Ma Jista’ Jwaqqaf Il-Progress.” – Il-PM Robert Abela
“Aħna rridu li l-Partit Laburista jibqa’ b’saħħtu mhux biex niftaħru b’kemm ġibna maġġoranza, iżda biex fuq kollox intejbu għall-aħjar il-ħajja tal-Għawdxin u l-Maltin kollha.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela waqt il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista filwaqt li fakkar kif irridu nżommu f’moħħna kemm huwa kruċjali t-tiġdid u l-bidla biex nibqgħu noffru tmexxija kredibbli u soda għal pajjiżna.
“Minn ħsibijiet ċari mxejna għal proposti definiti fil-manifest Malta Flimkien. U fil-kampanja tajt il-kelma tiegħi li kundizzjoni waħda kien hemm biex dawn l-elf proposta jsiru elf kisba ġdida. Nhar is-26 ta’ Marzu dik il-kundizzjoni twettqet. Għalhekk issa hija fuqna r-responsabbiltà li nwettqu dawk l-elf proposta. Irridu narawhom jibdew ikunu implimentati. Iva, issa l-mument tal-implimentazzjoni. Internament, mal-Kabinett u l-grupp parlamentari, bl-appoġġ anke tal-amministrazzjoni u t-tim li ħadem fuq il-manifest, bdejna minnufih naħdmu dwar dan. Għax waħda mill-iktar affarijiet li trid tibqa’ tiddistingwina minn forzi politiċi oħra hija dik li aħna partit, li mill-Gvern dejjem inwettqu dak li nwiegħdu.”
Fl-istess waqt, il-Prim Ministru sostna wkoll li fl-istess waqt irridu naraw fejn stajna ddiżapuntajna nies li appoġġjawna fl-imgħoddi.
“Dan hu proċess li internament diġà bdejnih. Kif tafu bdejnih bil-laqgħat li għamilna fl-aħħar ġimgħat. Laqgħat twal b’ħafna ħsibijiet imma fuq kollox b’awto-kritika ġenwina u b’saħħitha. Dan hu proċess li nkompluh u nestenduh fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Irridu nisimgħu, inkunu umli u nikkomunikaw.”
Robert Abela esprima s-sodisfazzjon għall-kuraġġ li wera dan il-Partit b’diversi riformi fosthom iż-żieda fir-rappreżentanza femminili fil-Parlament.
“Ifisser li wasalna? Le. Imma żgur li żrajna ż-żerriegħa. Għax jekk hemm xi ħaġa li tiddistingwi lil dan il-partit hi li fil-ġlidiet għall-ugwaljanza u l-ġustizzja soċjali, qatt ma kien passiv iżda, dejjem kien protagonist.”
Il-Prim Ministru qal ukoll kif l-ottimiżmu se jkun ir-riċetta tal-futur fejn mill-bidu nett kien il-partit tal-progress, id-dawl li jiġġieled id-dlam.
“Intom parti importanti minn dawn il-bidliet. Il-partit hu għodda importanti. Li nitlob mingħandkom hu biex tibqgħu tkunu l-vuċi tal-komunitajiet tagħkom. Il-kelma tiegħi hi li t-tmexxija tagħna se tibqa’ ffokata fuq il-pajjiż, fejn infittxu s-soluzzjoni għall-futur u nibqgħu nkunu l-partit tal-aspirazzjoni. Ħaddieħor quddiem l-isfidi jagħżel li jaqta’ l-qlub, aħna ndaħħlu t-tama.”
Robert Abela temm b’appell biex f’Jum il-Ħaddiem ningħaqdu flimkien biex niċċelebraw dan il-jum u nibagħtu messaġġ ċar li dan hu partit li jibqa’ joħloq l-opportunitajiet.
“U allura l-istedina tiegħi hi biex nhar il-Ħadd li ġej ningħaqdu lkoll il-Belt biex wara tliet snin inkunu nistgħu niċċelebraw Jum il-Ħaddiem flimkien. Se tkun l-ewwel darba minn meta fdajtuni bħala mexxej tal-Partit Laburista li niċċelebraw kif jixraq Jum il-Ħaddiem. Hemm se nibgħatu messaġġ pożittiv. Nibagħtu messaġġ li dan jibqa’ l-partit tax-xogħol li jgħin lil min jaħdem u lil min joħloq l-opportunità biex wieħed jaħdem. Nibqgħu nibagħtu messaġġ li dan hu pajjiż fejn se nkomplu naħdmu flimkien għall-futur sabiħ.”