Jhedded Li Se Joqtol Lil Bintu U Żewġt Itfal Oħra U Wara Jispara Lilu Nnifsu Wara Argument Mal-Mara
Raġel ta’ 37 sena mill-Għargħur inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti b’akkużi li żamm lil tliet minuri kontra l-volontà tagħhom u heddidhom bil-mewt b’arma tan-nar u li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq waħda minnhom. Waħda mit-tfal hija bintu ta’ 10 snin li tbati bil-kundizzjoni tal-awtiżmu. Iż-żewġt itfal l-oħra huma tifla ta’ 15-il sena li hija fostered minnu u l-ħabiba tagħha li kienu fid-dar tiegħu. Huwa ġie mixli wkoll li hedded lil martu bil-fomm.
Quddiem il-Maġistrat Nadine Lia l-Ispettur John Spiteri qal li fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu l-Pulizija daħlilha rapport li kien hemm kommossjoni kbira f’residenza fil-Għargħur. Huwa qal li r-raġel għaddej minn proċeduri ta’ separazzjoni minn mal-mara u kien keċċiha mid-dar u aktar tard ċemplilha biex tmur lura iżda hi ma riditx.
Kien hawn li r-raġel hedded lil martu li kien lest jispara u joqtol lit-tfal u mbagħad jispara lilu nnifsu.
L-Ispettur qal li meta marru fir-residenza it-tfal kienu jidhru li kienu mwerwrin tant li rnexxielhom jaħarbu minn fuq il-post. Waħda mit-tfal irrekordjat kollox li kien għaddej.
L-Ispettur Spiteri qal li l-prosekuzzjoni semgħet ir-rekording u kien hemm kommossjoni kbira, ħafna għajjat u twerżiq.
Ir-raġel wieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih. L-avukat tiegħu Arthur Azzopardi talab għall-ħelsien mill-arrest filwaqt li qal li r-raġel qed jirċievi kura psikjatrika.
Minħabba n-natura tal-każ u anke għax it-tfal għadhom se jixhdu, il-Qorti ma tatx il-ħelsien mill-arrest lill-akkuża.
Il-Maġistrat ordnat li r-raġel jingħata b’mod immedjat il-kura kollha li għandu bżonn.
L-avukat Jason Azzopardi deher għall-parte civile.