Jiftaħ Il-Valletta Green Festival 2022
Il-Valletta Green Festival – l-avveniment annwali sinonimu mal-kalendarju kulturali Malti – fetaħ dalgħodu u ser jibqa’ għaddej sa nhar il-Ħadd l-1 ta’ Mejju.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u l-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli kienu preżenti għall-ftuħ tal-Valletta Green Festival.
Il-Ministru Bonnici stqarr li, “Sena wara l-oħra, il-Valletta Green Festival qed jibqa’ jżid fil-popolarità. Dan għaliex it-tema hija waħda ambjentali u għal qalb ħafna nies. Fil-fatt, il-prijorità ta’ dan il-gvern hi li jkun hawn iżjed proġetti ambjentali u sostenibbli fiż-żoni urbani għall-benefiċċju taċ-ċittadini.”
Il-Ministru Bonnici sostna wkoll li, “Attivitajiet bħal dawn jibqgħu jsaħħu l-aspetti artistiċi u kulturali filwaqt li jkomplu jibnu kollaborazzjonijiet ambjentali ma’ diversi entitajiet. Ser nibqgħu nsaħħu s-settur kulturali u kreattiv, kif ukoll nibqgħu bl-impenn dirett mal-pubbliku.”
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli ħeġġet lill-pubbliku biex jattendi l-festival u jgawdi l-ġmiel tal-infjorata u l-attivitajiet li qed jittellgħu. “Il-viżitaturi jistgħu jesperjenzaw ix-xogħol li jagħmlu entitajiet differenti għall-protezzjoni ambjentali u naturali filwaqt li jiksbu aktar informazzjoni dwar il-widien, il-bijodiversità, il-ħabitats naturali u s-separazzjoni tal-iskart, fost oħrajn”, qalet il-Ministru Dalli.
Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef innota li, “Il-Valletta Green Festival huwa l-ewwel minn serje ta’ avvenimenti tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fil-miftuħ din ir-rebbiegħa u jibqa’ għaddej sal-Ħadd l-1 ta’ Mejju. Dan il-festival juri biċ-ċar l-impenn tal-aġenzija li toħloq kuxjenza dwar l-ambjent mhux biss fil-proġetti u l-binjiet taghħa, iżda lil hinn.”
It-tema għall-edizzjoni ta’ din is-sena hija l-importanza tal-ispazji pubbliċi, il-protezzjoni tal-ħabitats naturali, u l-effett li dan għandu fuq il-flora u l-fawna tal-gżejjer tagħna. L-attrazzjoni prinċipali tal-festival, l-infjorata, ġiet iddisinjata mid-Disinjatur Grafiku tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Clint Spiteri u tista’ titgawda fi Pjazza San Ġorġ. Aktar minn 50,000 pjanta, li jinkludu l-ħwawar, joħolqu din l-infjorata li tittratta d-disinn ta’ żrinġ fi spazju ta’ 500 metru kwadru u hija intiża biex tqajjem kuxjenza dwar il-qerda tal-ħabitat taż-Żrinġ Malti (Painted Frog) li huwa l-uniku amfibju li għandna f’Malta.
Il-festival ta’ din is-sena ser jinkludi wkoll il-korsa ta’ ostakoli Ruff Mudder għall-klieb, li se ssir fi Ġnien Laparelli nhar it-30 ta’ April mill-10am sal-4pm. Wara l-inizjattiva tas-sena l-oħra, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta se tkompli bil-kontribut tagħha favur it-tħaddir urban u se tħalli warajha legat ta’ 15% ta’ diversi pjanti u siġar fi Triq il-Gendus u Triq San Karlu, il-Belt Valletta.
Ritratti: DOI