Jissokta L-Programm Ta’ Vaċċinazzjoni Kontra L-COVID-19 Fost L-Anzjani
Madwar 4,000 resident fid-djar tal-anzjani madwar Malta u Għawdex qegħdin jitlaqqmu bit-tieni doża tal-booster tul dan ix-xahar sabiex jibqgħu protetti kontra l-COVID-19. Fi żjara fir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paul, il-Ministri għas-Saħħa Chris Fearne u għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, assistew għall-proċess ta’ tilqim tal-anzjani residenti f’din ir-residenza.
Id-Deputat Prim Ministru spjega li filwaqt li f’dawn il-ġranet komplew jitnaqqsu l-miżuri restrittivi, biex ikun possibbli li pajjiżna jkompli riesaq lejn ħajja ekonomika, soċjali u kulturali normali, huwa kruċjali li jkunu protetti dawk l-iżjed vulnerabbli fis-soċjetà. Kien għalhekk li l-awtoritajiet għas-saħħa reġgħu ħarġu l-istedina tal-vaċċin lil madwar 17,000 anżjan/a li għandhom ’il fuq minn 80 sena u li jgħixu fil-komunità, u mas-6,000 persuna li jbatu b’sistema ta’ immunità baxxa. Dan filwaqt li mal-2,000 anzjan ta’ ’l fuq minn 80 sena li jgħixu fil-komunità u li huma bed bound, se jkunu mlaqqma fi djarhom stess b’appuntamenti li se jibdew jiġu komunikati b’telefonati fil-jiem li ġejjin.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Abela faħħar l-effiċjenza tal-proċess ta’ tilqim fid-djar tal-anzjani, fejn fi ftit jiem mistenni li jkunu mlaqqma l-maġġoranza tal-anzjani residenti. Huwa fisser li fir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paul, madwar 89% tar-residenti kienu diġà mlaqqma bl-ewwel booster u se jkunu qed jirċievu t-tieni booster fil-jiem li ġejjin.
Il-Ministru Abela ħeġġeġ lill-anzjani kollha li jirċievu l-istedina għall-booster biex dawn jaċċettaw ħalli l-immunità tagħhom tkun imsaħħa.
Id-Deputat Prim Ministru Fearne spjega wkoll li b’mod immedjat, fl-Isptar Mater Dei f’każ ta’ ommijiet li huma pożittivi għall-COVID-19 waqt il-proċess tal-ħlas, kemm b’mod naturali kif ukoll b’ċesarja, se jitħallew ikunu akkumpanjati minn persuna waqt it-twelid. Dan filwaqt li fil-każ li s-sieħeb tal-omm ikun/ tkun fi kwarantina mandatorja se jitħallew jakkumpanjaw l-omm waqt il-proċess tal-ħlas ukoll, kemm-il darba ma jkollhomx sintomi tal-COVID-19. Dan se jkun possibbli permezz ta’ protokolli stretti u bil-permess tal-awtoritajiet tas-saħħa li jinkiseb permezz ta’ email fuq [email protected].
Intant, mil-lum ġew rilaxxati iżjed miżuri restrittivi relatati mal-ivjaġġar lejn pajjiżna, li jippermettu li persuni ġejjin mil-lista l-ħamra jevitaw il-kwarantina kemm-il darba jkunu fil-pussess ta’ ċertifikat tal-vaċċin rikonoxxut, ċertifikat ta’ rkupru rikonoxxut, jew PCR test negattiv li ma jkunx sar iżjed minn 72 siegħa qabel il-wasla f’Malta jew fil-każ ta’ RAT test li ma jkunx sar iżjed minn 24 siegħa qabel il-wasla f’pajjiżna. Il-protokoll komplut relatat mal-ivjaġġar jinsab hawn: https://deputyprimeminister.gov.mt/en/health-promotion/covid-19/Documents/Standards%20for%20the%20Validity%20of%20Vaccine%20Certificates,%20Recovery%20Certificates.pdf
Dan filwaqt li mill-Ħadd 10 ta’ April reġgħu saru permessi attivitajiet bil-wieqfa, filwaqt li tneħħew il-miżuri kollha għall-attivitajiet organizzati għajr għall-attivitajiet bilwieqfa li jsiru fuq ġewwa, li għadhom iġorru l-obbligazzjoni tal-preżentazzjoni taċ-ċertifikat tal-vaċċin.
Il-protokoll sħiħ tal-organizzazzjoni ta’ avvenimenti siguri jinsab hawn: https://deputyprimeminister.gov.mt/en/health-promotion/covid-19/Documents/Organised_Safe_Events_10_04_22.pdf