Jitlesta R-Restawr Tal-Kappella Ta’ Sant’Anna F’Ħ’Attard
Id-Direttorat tar-Restawr lesta r-restawr tal-kappella ddedikata lil Sant’Anna f’Ħ’Attard. Din il-kappella, li nbniet lejn l-aħħar tas-seklu sbatax u li sussegwentement ingħatat lil M.U.S.E.U.M. tas-subien fl-1968, kienet intgħażlet biex tiġi restawrata bis-saħħa tal-Iskema tar-Restawr għall-Kunsilli Lokali.
Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici rringrazzja lill-ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr tal-ħidma tagħhom favur binjiet storiċi. “Proġetti bħal dawn ikomplu juru biċ-ċar l-impenn tal-gvern lejn il-wirt kulturali fil-lokalitajiet tagħna. Ir-restawr ta’ binjiet storiċi hu essenzjali biex uliedna u min iżurna jkunu jistgħu jgawdu dak li ħallewlna missirijietna,” stqarr Dr Bonnici.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li issa li x-xogħol fuq il-kappella ta’ Ħ’Attard tlesta, għandna xhieda tal-ħidma u l-impenn tal-ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr biex titwettaq l-iskema maħruġa mill-kunsilli lokali. Qalet ukoll li issa li ngħalqet is-seba’ sejħa ta’ din l-iskema, fejn ħmistax-il kunsill lokali ressqu l-proposti, dawn se jgħaddu minn proċess biex finalment jintgħażlu u hekk sena wara l-oħra jitkompla dan il-proġett ambizzjuż ta’ restawr.
Il-Perit Audrey Anne Bonnici mid-Direttorat tar-Restawr spjegat li l-problemi prinċipali ta’ din il-kappella kienu fil-faċċata, u b’hekk l-interventi ta’ restawr saru fuq in-naħa ta’ barra. F’ċerti partijiet akkumulaw ħmieġ u qoxra sewdenija, u f’partijiet oħra l-ġebla tmermret. Fil-fatt, parti mix-xogħol kien jinkludi t-tindif u t-tikħil tal-faċċati kollha. Il-faċċata prinċipali tnaddfet mill-kisi li kien qiegħed jagħmel ħafna ħsara. Saret ukoll tiswija fuq id-deffun tas-saqaf, kif ukoll inbidel xi ġebel li kien iddeterjora, u finalment ġiet ikkonsolidata wkoll l-entratura tal-bieb prinċipali.
Ritratti: DOI