“Kont Għarus U Dilettant Ta’ Piercings U Anki Tattoos…4 Snin Oħra Nilħaq Saċerdot Salesjan.” – Matthew Alfino
“Kont għarus u kont dilettant ta’ piercings u anki tattoos. Biss biss ngħidlek li kont għamilt tattoo mill-kapolavur ta’ Dante, id-Divina Commedia, impinġija fuqi. Iżda ta’ 28 sena ddeċidejt li nidħol mas-Salesjani.”
Matthew Alfino qasam dan kollu f’intervista mal-paġna ‘The People of Malta’, fejn qal li dak iż-żmien meta daħal bħala aspirant mas-Selesjani kien hemm min kien xettiku dwar l-għażla tiegħu, kien hemm min qalu: “Int mhux se toqgħod mingħajr il-pjaċiri li tagħtik il-ħajja.”
Matthew qal li l-Oratorju minn dejjem kien jaffaxxinah. “Indiskrivibbli.” Huwa tenna li dejjem kellu għal qalbu s-Salesjani.
“Meta bdejt nattendi l-Oratorju f’Tas-Sliema ħassejt li dan huwa posti. Teatru, brigade, past pupils, youth centre, worship team…u ta’ melħa li jien, dħalt f’kollox,” qal Matthew Alfino.
Bħalissa Matthew jinsab fis-sitt sena u fadallu erbgħa oħra biex jilħaq saċerdot Salesjan.
“Għalkemm wieħed, minn barra, jara ż-żmien biex jilħaq saċerdot Salesjan hu twil, fil-verità mhuwiex għax kull tappa fiha s-sabiħ tagħha. Il-motivazzjoni tiegħi kienet li sibt qaddis, San Ġwann Bosco, li hu uman, saqajh mal-art, bniedem prattiku. Wettaq ħafna xogħol maż-żgħażagħ, xi ħaġa li jien infittex. Togħġobni l-prattiċita’ f’dan il-qaddis. Ma kienx bniedem tan-niċċa, kien bniedem li għex il-faqar, fittex li jkun hemm għal ħaddieħor; u jiena dak li nixtieq u nipprova nkun,” temm jgħid Matthew Alfino.