Kundanna Għall-Avvelenament Ta’ Għalliema Fl-Iskola Tas-Sekondarja Tal-Ħamrun
Il-Unjin Maltija tal-Għalliema, l-MUT ikkundannat l-avvelenament ta’ għalliema li seħħ ilbieraħ fl-Iskola tas-Sekondarja San Ġorġ Preca, fil-Ħamrun.
L-MUT qalet li qed tappoġġa lill-għalliema involuta li hija wkoll membru tal-Unjin kif ukoll tinsab f’komunikazzjoni mal-iskola u mal-Ministeru tal-Edukazzjoni.
Il-każ seħħ ilbieraħ wara li xi ħadd tefa xi kimika ġol-flixkun tal-ilma li kienet qed tixrob minnu l-għalliema.
L-MUT fi stqarrija talbet li jittieħdu l-azzjonijiet kollha meħtieġa bil-għan li min wettaq dan ir-reat jinqabad.
L-Unjin tinsab f’komunikazzjoni mal-għalliema nvoluta u qed joffru l-appoġġ kollu meħtieġ kif ukoll mal-edukaturi affettwati mill-każ.
Ingħad li l-vittma fortunatament issa tinsab f’qagħda stabbli u esprimiet l-apprezzament tagħha għall-mod kif il-każ ġie indirizzat mill-iskola u l-MUT.
B’referenza għal dan il-każ, il-Kelliem tal-PN għall-Edukazzjoni Justin Schembri f’messaġġ fuq il-mezzi soċjali tiegħu kkundanna dan il-każ u qal li għandna nassiguraw dejjem aktar li l-professjonisti tagħna jkunu siguri fl-iskejjel.
Schembri tenna li dan huwa każ inkwetanti għax itappan il-ħafna xogħol tajjeb li sar u qed isir f’din l-iskola.