L-Aħħar Dettalji Dwar Iż-Żjara Tal-Papa Franġisku F’Malta
F’konferenza tal-aħbarijiet qabel tibda ż-żjara uffiċjali tal-Papa Franġisku f’pajjiżna bit-tema “Ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha” meħuda mill-Atti tal-Appostli, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi flimkien maċ-Chairman tal-Kumitat Organizzattiv tal-Istat Aaron Zahra taw dettalji dwar dan il-Vjaġġ Appostoliku.
L-Isqof Galea-Curmi qal li huwa b’ferħ kbir għalina l-Maltin u l-Għawdxin li wara sentejn li kien tħabbar dan il-vjaġġ, nhar is-Sibt li ġej nilqgħu fostna l-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku. Huwa rringrazzja lil kull min qed jagħti sehmu biex isseħħ din iż-żjara li għandha tħalli ħafna ġid.
L-Isqof għamel referenza għall-Udjenza Ġenerali ta’ nhar l-Erbgħa li għadda, meta l-Papa Franġisku qal li ġej Malta bħala pellegrin fuq il-passi tal-Appostlu Pawlu, li hawn ġie milqugħ “bi ħlewwa liema bħalha” wara li safa nawfragu huwa u jivvjaġġa lejn Ruma.
Ħeġġeġ lill-Maltin kollha biex jilqgħu b’entużjażmu lill-Papa Franġisku minn kulfejn jgħaddi, jagħmlulu festa sabiħa, juruh l-imħabba ġenwina tagħhom, u jiftħu widnejhom u qalbhom għall-messaġġ tiegħu. “Meta l-Papa jitkellem, dejjem jagħraf iwassal messaġġ li tassew jolqot il-ħajja tagħna. Aħna ċerti li dak li se jgħidilna fid-diskorsi u omeliji tiegħu se jkunu ta’ għajnuna għalina biex nistgħu ngħixu l-valuri umani li jibnuna bħala soċjetà, jgħinuna nagħmlu l-għażliet tajbin, u ngħixu bħala aħwa, ulied l-istess Missier.”
Is-Sur Aaron Zahra spjega li hekk kif jasal l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, il-Papa jintlaqa’ mill-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż u jibqa’ sejjer lejn il-Palazz tal-President fil-Belt Valletta għaċ-ċerimonja uffiċjali. Wara joħroġ fil-gallerija tal-Palazz fi Pjazza San Ġorg biex isellem liż-żgħażagħ u lin-nies miġbura. Minn hemmhekk jitla’ lejn in-Nunzjatura fir-Rabat biex imbagħad waranofsinhar jaqbad triqtu lejn il-Port il-Kbir għal Għawdex.
Fil-Port il-Kbir mistennija ssir festa kbira hekk kif is-sidien tal-opri tal-baħar kif ukoll klabbs tar-regatta mistennija jakkumpanjaw it-tluq tal-Papa mill-Port il-Kbir bil-katamaran. Il-pubbliku huwa mħeġġeġ ukoll biex jinġabar fil-Barrakka ta’ Fuq u fl-inħawi tal-Isla u l-Birgu sabiex isellem lill-Papa Franġisku. Se jkunu qed jiġu sparati 21 tir mill-Barrakka ta’ Fuq bħala tislima.
F’Għawdex mistennija laqgħa ta’ talb li tibda għall-ħabta tal-17:30 fis-Santwarju ta’ Ta’ Pinu biex imbagħad jerġa’ jmur Malta bil-bastiment ta’ Ta’ Pinu.
L-għada l-Ħadd, l-appuntament tal-Papa Franġisku jibda kmieni filgħodu hekk kif iżur il-Grotta ta’ San Pawl fir-Rabat biex imbagħad jiċċelebra quddiesa fuq il-Fosos tal-Furjana li tibda fl-10:15, u fi tmiem il-quddiesa tingħad it-talba tal-Angelus. Wara jerġa’ jmur in-Nunzjatura, biż-żjara tal-Papa tintemm waranofsinhar fil-Laboratorju tal-Paċi għal-laqgħa mal-migranti. Il-Papa u d-delegazzjoni tiegħu jaqbdu titjira tal-linja nazzjonali tal-arju l-AirMalta lura lejn Ruma għall-ħabta tas-18:00.
Iċ-Chairman Aaron Zahra spjega li madwar 300 ġurnalist se jkunu qed jagħmlu użu miċ-ċentru tal-midja f’lukanda ewlenija fil-Furjana, fejn 80 ġurnalist minnhom se jkunu qed jakkumpanjaw lill-Papa Franġisku matul it-titjira tiegħu lejn Malta. Qal li dan l-interess mill-ġurnalisti internazzjonali jixhed kemm hemm interess fiż-żjara tal-Papa f’pajjiżna. Stennija wkoll mill-poplu Malti u Għawdxi biex fl-10:00 tas-Sibt li ġej jasal il-Papa Franġisku.
Intant, fis-sigħat li għaddew waslu f’pajjiżna l-popemobiles kif ukoll il-vettura uffiċjali li l-Papa Franġisku juża barra l-Vatikan.
Il-pubbliku huwa mħeġġeġ biex f’dawn il-jumejn juża s-servizz tat-trasport pubbliku li se jkun qed iżid il-frekwenza tiegħu lejn l-attivitajiet ewlenin. Is-servizz tal-Gozo Channel u tal-Fast Ferry se jkun sospiż is-Sibt bejn l-16:00 u s-19:00.
Ir-rotot li minnhom se jkun qed jgħaddi l-Papa kif ukoll aktar dettalji dwar din iż-żjara jinsabu fuq is-sit papafrangisku.mt u l-paġna uffiċjali fuq Facebook ‘Pope Francis in Malta’.