L-Ewwel Edizzjoni Ta’ ‘Caravaggio The Musical’ F’Settembru Li Ġej
Bejn l-20 u l-25 ta’ Settembru ta’ din is-sena ser tittella’ l-ewwel musical dwar il-ħajja tal-artist Michelangelo Merisi di Caravaggio. Dan huwa proġett imwelled mit-tmexxija ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi (MCC), bil-għan li jkollu sehem attiv fil-kalendarju kulturali Malti.
Din l-informazzjoni ħarġet f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi Pierre Fenech u maċ-Ċermen Kenneth Spiteri.
Il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka li l-istorja magħżula u l-interpretazzjoni tagħha ser tkompli twessa’ l-għarfien tal-Malti u l-barrani dwar dan l-artist ċelebri ta’ fama internazzjonali, li pajjiżna kellu x-xorti li jmiss miegħu u li l-arti li ħalla warajh f’pajjiżna poġġietna fuq il-mappa internazzjonali.
“Avvenimenti bħal dawn ikomplu jtejbu l-prodott turisiku Malti f’niċec bħalma huma l-arti u l-kultura. Nemmen li din il-produzzjoni ser toffri prodott kulturali ta’ kwalità kemm għall-Maltin kif ukoll għat-turisti li jiġu jżuruna,” saħaq il-Ministru Clayton Bartolo.
Huwa kkonkluda b’ringrazzjament lit-tmexxija ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi tal-ħsieb innovattiv tagħhom sabiex itellgħu l-musical b’suċċess.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi Pierre Fenech qal li dan il-proġett ikompli jibni fuq proġetti oħra li l-MCC għamlet matul l-aħħar snin biex tkompli tkabbar l-operat tagħha, b’iżjed opportunitajiet ta’ xogħol għall-artisti lokali.
Iċ-Ċermen Kenneth Spiteri rrimarka li l-isfida tal-pandemija wasslet biex l-MCC timraħ fuq aspetti varji ta’ prodott oriġinali li jirrispetta l-livell kulturali ta’ pajjiżna.
Ritratti: DOI