L-Ixjaħ Mara Fid-Dinja Tmut Fl-Età Ta’ 119 Fil-Ġappun
Kane Tanaka, l-ixjaħ mara fid-dinja, mietet fil-Ġappun fl-età ta’ 119-il sena.
Tanaka, twieldet fit-2 ta’ Jannar, tal-1903 u mietet nhar it-Tlieta, 19 ta’ April hekk kif l-aħbar kienet konfermata mill-Ministeru għas-Saħħa u x-Xogħol tal-Ġappun.
Kane Tanaka kienet ilha ġġorr ir-rekord tal-ixjaħ mara fid-dinja sa minn Jannar tal-2019 meta kellha 116-il sena u 28 ġurnata.
Hija wkoll it-tieni l-ixjaħ persuna fid-dinja li qatt għexet. Jeanne Calment l-iktar persuna li qatt għexet kienet mietet meta kellha 122 sena.
Il-familjari ta’ Tanaka qalu li dan l-aħħar kienet qed tkun marida spiss u dieħla u ħierġa l-isptar.
Kane Tanaka meta kellha 19-il sena kienet iżżewġet sid ta’ ħanut tar-ross li baqgħet taħdem fih flimkien mal-familja tagħha sakemm kellha 103 snin.
Tul ħajjitha fieqet mill-kanċer darbtejn u għaddiet minn żewġ gwerer mondjali u żewġ pandemiji fost avveniment kbar oħra.
Ritratti: CNN