“Ma Nistgħux Nibqgħu Siekta Quddiem L-Attroċitajiet Li Qed Iseħħu Mit-Truppi Russi Fl-Ukrajna” – Il-PN

 “Ma Nistgħux Nibqgħu Siekta Quddiem L-Attroċitajiet Li Qed Iseħħu Mit-Truppi Russi Fl-Ukrajna” – Il-PN

“Dak li qed jiġri fl-Ukrajna ma jistax jitħalla għaddej qisu xejn mhu xejn. Dak li qed iseħħ huma reati kontra l-umanità.”

Dan kien il-messaġġ li wassal il-Partit Nazzjonalista permezz ta’ stqarrija fejn qal li kemm bħala pajjiż kif ukoll bħala membri tal-Unjoni Ewropea għandna nkunu pro-attivi li ma nippermettux dak li qed iseħħ ftit ‘il bogħod minna.

Il-Partit Nazzjonalista qed jappella lill-Gvern Malti biex jieħu azzjoni konkreta, rilevanti u deċiżiva quddiem dawn l-attroċitajiet.

Il-PN saħaq li flimkien mal-poplu Ewropew għandna nkunu solidali mal-familji Ukreni, imma fl-istess ħin iebsa fil-konfront ta’ min qed ireġġa’ l-Ewropa lura għal dak li seħħ fit-tieni gwerra dinjija. “Fl-Ewropa li ħadmu fuqha missirijietna u li aħna tant ngħożżu l-valuri tagħha, dawn ir-reati mhumiex aċċettabbli.”

Il-PN tenna li l-paċi u l-istabbilita’ li ġabet l-Unjoni Ewropea f’dan il-kontinent m’għandhomx jiġu preġudikati u mhedda. “Il-Gvern Malti, inkluż bis-sehem tiegħu fil-fora Ewropej, għandu jkun favur li jkun hemm aktar sanzjonijiet fuq ir-Russja,” sostna l-PN.

Il-Partit Nazzjonalista temm l-istqarrija tiegħu billi appella favur aktar għajnuna umanitarja u appoġġ loġistiku lill-poplu Ukren li hu vittma f’din il-gwerra kiefra.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com