Miġbura Mal-50 Tunnellata Ta’ Skart Waqt Il-Kampanja Elettorali, Iċ-Ċelebrazzjonijiet U L-Miġja Tal-Papa
Matul dawn l-aħħar ġimghat, il-ħaddiema tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni ġabru mal-ħamsin tunnellata ta’ skart.
Tkellimna mad-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Indafa Pubblika, Ramon Deguara u spjegalna li dawn l-aħħar sitt ġimgħat kienu impenjattivi ħafna għal numru kbir ta’ ħaddiema ta’ din id-Diviżjoni.
Ramon Deguara qalilna li apparti r-rutina normali ta’ xogħol ta’ kuljum sar tindif wara kull attività politika li ġiet organizzata miż-żewġ partiti ewlenin, bl-akbar attività li nġabar skart fiha kienet wara c-ċelebrazzjonijiet tal-elezzjoni ġenerali f’diversi lokalitajiet fejn f’inqas minn 24 siegħa kien tnaddaf kollox daqs li kieku qatt ma sar xejn. Dan it-tindif wara kull attività politika kien isir matul il-lejla biex filgħodu kollox kien jkun nadif.
Naturalment l-aktar skart li kien miġbur wara dawn l-attivitajiet kienu fliexken tax-xorb u reċipjenti tal-ikel.
Is-sur Deguara qalilna li fi ftit jiem minn wara l-aħħar attività politika kellhom inaddfu kullimkien mill-iskart li tħalla f’diversi żoni kif ukoll b’mod speċjali dawk it-toroq li minnhom kien se jkun qed jgħaddi l-Papa sabiex il-poplu Malti jagħti l-aqwa merħba possibbli. “Fi ftit ġranet għamilna dak kollu li stajna, sabiex noffru l-aħjar prodott bħala pajjiż għal dan l-avveniment daqshekk importanti,” tenna d-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Indafa Pubblika.
Dan apparti li x-xogħol fil-bliet u l-irħula tagħna ta’ kuljum ried jibqa’ għaddej ukoll.
Ramon Deguara rringrazzja mill-qalb lil diversi ħaddiema li ħaddmu f’ħinijiet differenti, u wettqu tindif ta’ toroq kemm b’mezz manwali kif ukoll dak mekkanizzat. Irringrazzja wkoll lil dawk il-ħaddiema li jnaddfu l-bajjiet li wkoll assistew fit-tindif tat-toroq, dawk li jieħdu ħsieb xogħolijiet ta’ upkeep u manutenzjoni, dawk li jagħtu sapport permezz ta’ tiswijiet ta’ makkinarju, lill-kapijiet ta’ dawn is-sezzjonijiet kif ukoll lil ħaddiema tal-amministrazzjoni ta’ din id-Diviżjoni.
“Persważ, li l-isforzi kollha tagħna ġew u qed jiġu apprezzati mill-pubbliku, u niskużaw ruħna jekk stajna ħloqna xi inkonvenjent f’xi toroq. Nirringrazzja wkoll, lil diversi entitajiet governattivi oħra li ħdimna flimkien magħhom tul dawn l-aħħar ġranet, taħt il-gwida perfetta ta’ Aaron Zahra mill-uffiċċju tal-Prim Ministru,” temm jgħid id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Indafa Pubblika, Ramon Deguara.