“Mil-Lum ‘Il Quddiem Ser Inħares Lejn Materjal Ġdid, Mingħajr Kompetizzjoni” – Franklin Calleja
Hekk kif nhar is-Sibt ntemm it-tieni edizzjoni ta’ Mużika Mużika, ftit sigħat wara l-kantant Franklin Calleja fuq il-mezzi soċjali tiegħu qal li jinsab kuntent li kien hemm min apprezza dak li għamel hu, kif ukoll il-vuċi tiegħu. Però huwa qal li d-diska ‘Wennisni’ għalqet il-kapitlu tiegħu fuq il-media.
“Mil-lum ‘il quddiem ser inħares lejn materjal ġdid, mingħajr kompetizzjoni,” kiteb Franklin, filwaqt li rringrazzja lil dawk li emmnu fih matul dawn id-disa’ snin li għaddew. “Il-Mużika sabiħa u tgħaqqadna u għalhekk xorta ser nibqa’ għaddej b’dak illi nħobb mingħajr kompetizzjoni.”
Franklin Calleja qal li jinsab onorat li l-aħħar festival tiegħu kellu jkun Mużika Mużika għaliex huwa festival prestiġjuż u fuq skala għolja ħafna.
“Ser nimmisja il-kompetizzjoni, però nemmen illi l-kompetizzjoni mhux għalija, nemmen illi ma’ hemmx bżonn iktar opinjoni ta’ ġurija esperta li forsi ma’ tapprezzax daqshekk il-mużika tiegħi la nemmen f’dak illi nagħmel…u nixtieq inżomm il-fiduċja illi għandi sabiex nilħaq fejn irrid,” temm jgħid Franklin Calleja, filwaqt li awgura minn qalbu lil Kurt Calleja r-rebbieħ ta’ dan il-festival, “b’kanzunetta sabiħa immens!”