“Min Kellu Jgħidilna Li Flok Il-Covid-19 Kien Imiss It-Temp Li Jħassar Il-Purċissjonijiet”

 “Min Kellu Jgħidilna Li Flok Il-Covid-19 Kien Imiss It-Temp Li Jħassar Il-Purċissjonijiet”

Din hija l-għajta ta’ bosta dilettanti fil-gżejjer tagħna li jkunu qed jistennew bi ħġarhom minn sena għall-oħra dawn iż-żminijiet.

Bħal kollox, jistgħu jkunu festi titulari li jitħassru wkoll minħabba l-maltemp. Għax kif jgħid il-Malti, ‘xemx u xita, Alla jaf meta.’

Wara nuqqas ta’ sentejn minn dawn it-tradizzjonijiet minħabba l-pandemija, din is-sena l-aħbar sabiħa li l-purċissjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa kienu se jsiru, xegħlet lid-dilettanti bil-ferħ.

Dawn in-nies jaħdmu bis-sħiħ biex minn sena għall-oħra, jippreżentaw immaġini tal-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu fejn apparti li dawn huma tradizzjonijiet, il-fidi Kattolika f’pajjiżna, xorta waħda baqgħet b’saħħitha u f’qalb ħafna mill-poplu tagħna.

Madanakollu, aktar kmieni llum, ħafna parroċċi fejn hemm il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira bdew jieħdu deċiżjoni li din ma ssirx minħabba r-riħ qawwi li ħakem lil pajjiżna matul din il-ġimgħa u li ppersista b’qawwa llum. Aktar tard, bdiet ukoll ix-xita fil-gżejjer Maltin.

L-Ewwel parroċċa li ħabret dan kienet il-Kolleġġjata ta’ Marija Bambina fin-Naxxar fejn imbagħad, oħrajn bdew isewgu fl-aħjar interess kemm għas-sigurtà tal-pubbliku u kif ukoll għall-patrimonju reliġjuż u artistiku.

Nittamaw li nhar il-Ħadd li ġej, l-akbar festa tal-Knisja Kattolika; l-Għid il-Kbir, tkun iċċelebrata kif xieraq.

Insellmu lil dawk kollha li taw ħinhom u mħabbithom biex din is-sena, kienu ser jerġgħu jippreżentaw lill-pubbliku, tradizzjoni mill-isbaħ u mill-aktar antika f’pajjiżna. Ta’ min napprezzaw xogħlhom.

Ritratt: Dun Ġiljan’s Blog – Purċissjoni ta’ Ħaż-Żebbuġ

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com