Nhar Il-Ħadd Li Ġej Tirritorna L-Parata Annwali Tal-Iscouts U L-Girl Guides

 Nhar Il-Ħadd Li Ġej Tirritorna L-Parata Annwali Tal-Iscouts U L-Girl Guides

L-Iscouts u l-Girl Guides Maltin qed jippreparaw għall-parata annwali ta’ din is-sena. Din l-attività tant mistennija, ilha ma ssir għal dawn l-aħħar sentejn minħabba l-pandemija tal-Covid19. Din is-sena se ssir nhar il-Ħadd 24 t’April.

F’dawn l-aħħar ġimgħat, il-membri tal-Iscouts u l-Girl Guides kienu mehdija jippreparaw l-uniformijiet tagħhom, iħitu xi badges li kellhom neqsin fuq l-uniformi, jiprattikaw l-immarċjar, inaddfu l-istrumenti u jlestu l-bnadar għal-parata. Il-gruppi kollha, miż-żgħar sal-kbar, ser ikunu qed jimmarċjaw wara l-bnadar kkuluriti tal-gruppi tagħhom kif ukoll dawk Maltin.

Quddiesa ta’ ringrazzjament ser tiġi iċċelebrata fid-9am minn Mons. George A. Frendo, fl-Istitut Kattoliku fil-Furjana. Din is-sena id-distrett tan-Nofsinhar ser ikun qed jattendi l-quddies kif ukoll imexxi l-parata. Wara id-distrett tan-Nofsinhar ser ikun hemm dak Ċentrali, Għawdxi u tat-Tramuntana.

Wara l-quddies, il-gruppi kollha ser jinġabru fuq il-fosos bies għall-ħabta tal-10:45am tibda l-parata li tibda miexja lejn il-monument tal-Indipendenza, tgħaddi minn quddiem il-lukanda Phoenicia u wara, ser timxi lejn Pjazza Tritoni biex jidħlu minn Bieb il-Belt u jimmarċjaw tul Triq ir-Repubblika.

Bħala l-patrun ta’ żewġ assoċjazzjonijiet, l-Eċċellenza Tiegħu il-President ta’ Malta Dr George Vella ser ikun fi pjazza San Ġorġ quddiem il-Palazz Presidenzjali, biex jirċievi is-salut tal-gruppi.

Fi stqarrija ż-żewġ assoċjazzjonijiet irringrazzjaw lil-diversi entitajiet li taw daqqa t’id biex din il-parata annwali tkun tista’ isseħħ, fosthom lill-Korp tal-Pulizija, l-Istitut Kattoliku, il-Kunsilli Lokali tal-Furjana u l-Belt Valletta, kif ukoll lill-Transport Malta.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com