NIKO DEMOS – Il-Kumpanija Teatrali Dumnikani Beltin Tirritorna B’Dramm Fil-Jiem Tal-Ġimgħa Mqaddsa

 NIKO DEMOS – Il-Kumpanija Teatrali Dumnikani Beltin Tirritorna B’Dramm Fil-Jiem Tal-Ġimgħa Mqaddsa

Sa mill-1974, bi storja twila u esperjenza vasta, il-Kumpanija Teatrali Dumnikani Beltin dejjem ħadmet bis-sħiħ biex ittella’ dramm tal-passjoni għall-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa. Dan id-dramm illum tista’ tgħid huwa marbut sewwa mal-ġranet tar-Randan u dawn l-festi tradizzjonali, kulturali u reliġjużi, li huma mfittxija ħafna f’pajjiżna. Id-dramm tal-Kumpanija Teatrali Dumnikani Beltin jista’ jitqies bħala l-aktar wieħed antik f’Malta u minn dejjem kien minn ta’ quddiem f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kostumi mirquma u tal-epoka ta’ Ġesù, xeni maħduma b’tant ħila u ta’ kwalità għolja li jinbidlu minn sena għall-oħra, mużika u effetti viżwali li jkomplu jdaħħluk aktar fl-atmosfera ta’ dan iż-żmien għall-qalb ħafna dilettanti Maltin. Matul is-snin, mal-Kumpanija Teatrali Dumnikani Beltin, dejjem taw is-sehem tagħhom diversi atturi, minn dawk magħrufa sew fuq it-televiżjoni lokali sa dawk b’talent ġdid.

Id-dramm tal-2022, wara stennija ta’ sentejn minħabba l-pandemija, għandu t-titlu ta’ NIKO DEMOS – Rebħa ta’ Poplu u jorbot direttament mal-karattru ta’ Nikodemu li miegħu se ddur l-istorja kollha ta’ din is-sena. Fl-istess waqt NIKO (Rebħa) u DEMOS (Poplu) jirreferu għar-rebħa li kiseb Ġesù Kristu fuq l-għuda tas-salib, ir-rebħa tad-dawl fuq id-dlam.

L-istorja tad-dramm ta’ din is-sena ħarġet mill-pinna ta’ Etienne Micallef li fil-passat tagħna drammi oħra bħal Mnara Dawl, is-Siġra tal-Ħajja, Vera Ikona u Faxex li kiseb ħafna kliem ta’ tifħir meta ttella’ fl-2019. Id-direzzjoni se tkun tal-veteran Frank Micallef, li għandu esperjenza kbira fejn jidħlu dawn it-tip ta’ drammi tal-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa.

Id-dramm għandu storja movimentata u li tħallik b’nisfek maqtugħ sal-aħħar minħabba l-kobba mħabbla li jidħlu fiha żewġ familji minn ambjenti differenti; familja sinjura Lhudija u familja Rumana viċin ħafna ta’ Pilatu. Dan għaliex filwaqt li d-dramm hu mibni fuq fatti storiċi li jirrakkontaw il-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu, fih ukoll stejjer oħra li jduru ma’ Nikodemu, li mar għand Ġesù billejl. U dan jagħmlu l-għaliex ma xtaqx li sħabu, l-imlaħħqin tas-Sinedriju, isiru jafu fuq din il-laqgħa li kellu ma’ Ġesù. It-tagħlima li toħroġ mill-persuna ta’ Nikodemu hija li jien ma nistax nogħġob lil Alla u lid-dimonju jew lil Ġesù u lin-nies.

Nikodemu eżista tabilħaqq imma għad-dramm inħolqot il-familja tiegħu li hija mibnija kollha b’karattri immaġinarji li ħarġu mill-moħħ u l-pinna tal-awtur u li b’xi mod dawn ifakkruna f’temi li għadhom topiċi jew sħan sal-lum. Temi bħad-diversita`, l-imħabba bejn persuni tal-istess sess li dak iż-żmien kienet xi ħaġa li lanqas wieħed joħlomha u allura kienet tibqa’ mistura, l-idea li tarbija titħares mill-ġuf, l-idea tad-differenza fil-klassi soċjali u l-importanza tal-ġenituri li għandhom ikunu preżenti meta wliedhom ikunu qed jikbru. Il-missier patrijarkali li jagħżel is-sieħeb ta’ bintu mingħajr ma’ din ikollha għażla li tirrifjuta jew li taċċetta. Temi tassew b’saħħithom li huma minsuġa sew bejn dawn iż-żewġ familji ta’ Nikodemu u ċ-ċenturjun Lonġinu. Ma jonqsux xeni emozzjonanti, xeni ħelwin li jnisslu tbissima u oħrajn xi ftit xokkanti li jqanqlu ċertu mistoqsijiet. U dak kien l-għan ewlieni ta’ Etienne Micallef, li permezz ta’ dramm li normalment jitqies minn xi uħud bħala ‘dejjem l-istess storja’, l-udjenza tersperjenza mumenti mqanqla li jħallu effett fuqek.

L-ewwel rappreżentazzjoni saret ilbieraħ filgħaxija fis-sala Dumnikana fil-Belt Valletta. Żewġ rappreżentazzjonijiet oħra se jkunu qed isiru għada, l-Erbgħa 13 t’April 2022 fis-7:15pm, u l-Ġimgħa 15 t’April 2022 (il-Ġimgħa l-Kbira) fid-9:30am fis-sala San Duminku Triq il-Merkanti l-Belt Valletta. Biljetti jistgħu jinkisbu billi wieħed iċċempel fuq 99451909.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com