‘Nilqgħu Lir-Re Tal-Marċi Brijużi’ – Kunċert Mill-Banda Duke Of Connaught’s Own Lejliet Il-Festa Tas-Sejba Tas-Salib Imqaddes
Nhar it-Tnejn 2 ta’ Mejju 2022, il-Każin Santa Liena Banda Duke of Connaught’s Own ta’ Birkirkara, se jkun qed jorganizza attività speċjali bil-preżenza tas-Surmast Andrew Coleiro wara nuqqas ta’ 14-il sena sħaħ.
Din l-attività speċjali se tkun qed issir lejliet il-festa tas-Sejba tas-Salib Imqaddes, liema festa tfakkarna f’żewġ ġrajjiet storiċi: is-sejba tas-Salib veru minn Sant’Elena, omm l-Imperatur Kostantinu u patruna ta’ Birkirkara; u d-dedikazzjoni tal-bażilika fuq il-Kalvarju minn Kostantinu li jimmarka s-sit tal-Kruċifissjoni, fis-sena 335.
Mro Andrew Coleiro, li kien surmast direttur tal-istess banda bejn l-1977 u l-2008, kiteb fost l-isbaħ marċi brijużi f’Malta u Għawdex matul il-karriera mużikali tiegħu.
Għaldaqstant il- Banda Duke of Connaught’s Own waqt dan il-kunċert bl-isem, ‘Nilqgħu lir-Re tal-Marċi Brijużi’ se tkun qed iddoqq numru ta’ marċi popolari mill-pinna tas-Surmast Coleiro, fil-każin stess, u se jkollna l-opportunita’ nassistu għal xi marċi taħt id-direzzjoni tal-istess eks-Surmast.
Din l-attivita’ speċjali li tibda fis-7:30pm, mistennija tiġbed dawk kollha li għandhom għal qalbhom l-marċi brijużi Maltin.