Produzzjoni Lokali ‘Hounds Of War’ B’Baġit Ta’ Iżjed Minn €6.5 Miljun F’Malta

 Produzzjoni Lokali ‘Hounds Of War’ B’Baġit Ta’ Iżjed Minn €6.5 Miljun F’Malta

Bħalissa f’pajjiżna għaddejja produzzjoni oħra bit-titlu ta’ ‘Hounds of War’, li mistennija tħalli f’pajjiżna madwar €6.5 miljun ewro. Dan qaluħ il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo u l-Kummissarju Malti għall-Films Johann Grech fi żjara li għamlu fuq is-set tal-produzzjoni li qed tinġibed f’diversi postijiet madwar Malta.

Din il-produzzjoni qed issir kollha kemm hi f’pajjiżna u qed tibbenefika mill-Cash Rebate li toffri l-Malta Film Commission. Għalkemm din il-produzzjoni hija Maltija, hija intiża għal swieq internazzjonali.

‘Hounds of War’ huwa Feature Film mimli b’xeni ta’ attività u t’ azzjoni u qed jiġi miġbud fin-Naxxar Trade Fair Grounds, is-sit tal-Jerma Hotel, il-Belt Valletta, Villa Bologna, Marsaskala, fost oħrajn.

Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo saħaq dwar l-importanza li Malta ikollha industrija tal-Films b’saħħitha. “Bħala Gvern, tul dawn l-aħħar snin ħdimna sabiex l-industrija tal-Films ta’ pajjiżna tkompli tissaħħaħ, mhux bil-kliem biss, iżda bil-fatti. Fil-fatt, f’dawn l-aħħar snin Malta rreġistrat żieda qawwija ta’ produzzjonijiet li għażlu li jiġu jagħmlu l-produzzjonijiet tagħhom f’pajjiżna, kif ukoll rajna produzzjonijiet lokali li jmorru fi’ swieq internazzjonali. Il-Gvern kommess li jinvesti aktar f’din l-industrija, biex kull minn jmiss ma’ din l-industrija jkunu jistgħu igawdu minnha”.

Il-Kummissarju għall-Films Johann Grech qal li f’din il-produzzjoni ser ikunu qiegħdin jaħdmu madwar 220 individwu li il-maġġoranza tagħhom huma Maltin. “Aħna nibqgħu kommessi li noħolqu industrija sostennibbli li tagħti opportunitajiet ġodda lill-dawk kollha li jixtiequ jaħdmu f’din l-industrija li qed tikber kulljum f’pajjiżna.”

Johann Grech tkellem ukoll dwar l-inċentivi finanzjaraji li għadhom kif ġew imnedija mill-Malta Film Commission sabiex Malta tkompli tattira produzzjonijiet lejn Malta. “Saħħaħna l-Cash Rebate Programme sabiex aktar produzzjonijiet internazzjonali u lokali jibbenefikaw aktar minn l-inċentivi li tofri Malta. B’hekk, se inkomplu nattiraw aktar xogħol għal pajjiżna; pagi aħjar għal-crew tagħna.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com