Raġel Bi Ġrieħi Serji Wara Li Ttajjar Minn Karozza Fil-Marsa
Eritrean ta’ 31 sena li joqgħod f’Ħal Far sofra ġrieħi serji wara li ttajjar minn karozza.
L-aċċident seħħ kmieni dalgħodu, għall-ħabta tat-3:15am, fi Triq Diċembru Tlettax, il-Marsa.
Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li l-vittma, intlaqat minn Suzuki Swift li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 32 sena residenti ż-Żejtun.
Il-vittma ngħata l-għajnuna minn tim mediku, ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza u aktar tard kien iċċertifikat li sofra ġrieħi serji.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Lara Lanfranco li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.