Raġel Jinstab Mejjet Fil-Baħar Wara Rapport Li Jott Kien Qed Jaħbat Mal-Breakwater F’Marsaxlokk
Raġel li l-identità tiegħu għadha mhux magħrufa ttella’ mill-baħar mejjet wara tfittxija li saret għalih fl-inħawi ta’ Marsaxlokk.
Kien ilbieraħ filgħaxija, għall-ħabta tas-7pm, meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm jott li kien inqata’ mill-irmiġġ u kien qed jaħbat mal-breakwater ta’ Marsaxlokk kawża tal-mewġ qawwi li kien hemm.
Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post fejn ġie kkonfermat ir-rapport u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li fuq dan il-jott kien normalment jirrisjedi Ingliż li għandu madwar 70 sena u li x’aktarx kien fuq il-jott fil-ħin tal-aċċident.
Fuq il-post ġew imsejħa l-membri tal-Forzi Armati, kif ukoll il-membri tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu fit-tfittxijiet, fejn dalgħodu għall-ħabta tas-6am mill-inħawi ta’ Delimara ttella’ mill-baħar katavru ta’ raġel.
Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr Leonard Caruana li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.