Sant Jappella Biex L-UE Tagħti Aktar Importanza Lill-Prijoritajiet Soċjoekonomiċi U Ta’ Koeżjoni
L-eks Prim Ministru Alfred Sant esprima l-appoġġ tiegħu għal Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-bidu tal-implimentazzjoni tal-perjodu tal-Politika ta’ Koeżjoni 2021-2027. Fl-intervent tiegħu fil-plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu huwa għamel sejħa qawwija lill-Unjoni Ewropea biex ma tinsiex il-prijoritajiet oriġinali tagħha, b’mod partikolari fejn tidħol il-kisba ta’ konverġenza u koeżjoni soċjoekonomika bejn l-Istati Membri u r-reġjuni. Fuq il-bażi ta’ dawn l-għanijiet, l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi bejn ir-reġjuni differenti tal-Unjoni Ewropea għandhom jitnaqqsu. Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista tas-S&D Sant wissa li l-abbandun ta’ miri fundamentali bħal dawn jista’ jwassal għal aktar diverġenza u possibbilment diżintegrazzjoni Ewropea.
L-Unjoni Ewropea allokat €392 biljun għall-politika ta’ koeżjoni li se jintużaw fuq medda ta’ seba’ snin bejn l-2021 u l-2027. Wieħed mill-għanijiet ġenerali tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea huwa li ssaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Ewropa. Dan jinkludi l-inkarigu li jiġu korretti l-iżbilanċi bejn il-pajjiżi u r-reġjuni. Barra minn hekk, għan ieħor huwa li jiġu mwettqa l-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali.
L-Ewroparlamentari Laburista Sant wissa li bi prijoritajiet ġodda ta’ finanzjament li qed jinħolqu, allegatament f’ħafna każijiet il-koeżjoni qed tingħata l-ġenb. Dan huwa evidenti pereżempju meta niġu għall-prijoritizzazzjoni tal-awtoritajiet tal-Istati Membri fl-assorbiment tal-fondi tal-Unjoni Ewropea.
Sant irrimarka li r-Rapport bir-raġun iqajjem numru ta’ kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-programm ta’ finanzjament attwali ddedikat għas-settur. Huwa qabel bil-qawwa li t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali jeħtieġ li jimxu id f’id mal-proġetti ta’ koeżjoni. Barra minn hekk, saħaq li l-istess għandu japplika fejn tidħol il-prijoritizzazzjoni li l-awtoritajiet tal-Unjoni Ewropea qed jagħtu lill-fondi fi ħdan il-Faċilità ta’ Rkupru u Reżiljenza li twaqqfet biex tgħin lill-Istati Membri jiġġieldu l-effetti negattivi tal-pandemija tal-Covid-19.