“Sentejn Ilu L-Balavostri Tal-Gallerija Tad-Dar Tagħha Kienu Ċedew Ukoll…Kienu Mqiegħda Bi Ftit Tajn”
Maria Schembri permezz tal-mezzi soċjali tagħha kitbet dwar esperjenza li għaddiet minnha sentejn ilu, simili ta’ dak li ġara f’Birżebbuġa jumejn ilu, fejn intilfet il-ħajja ta’ Rita Azzopardi fl-età ta’ 75 sena.
Schembri kitbet li sentejn ilu l-balavostri tal-gallerija tad-dar tagħha kienu ċedew ukoll. B’xorti tajba dakinhar, ħadd ma’ kien weġġa’. “Sal-bieraħ kont naħseb li mhux normali li jċedu, u meta kienet ġrat lilna ħsibt li kienet one-off,” kitbet Maria Schembri.
Hija permezz tal-esperjenza li għaddiet minnha xtaqet tiġbed l-attenzjoni ta’ min għandu gallarija simili. Kif jidher fir-ritratt tal-gallarija tagħha dawn kienu mqiegħda bi ftit tajn. Hi qalet li ma tafx jekk din hux in-norma li jitwaħħlu hekk, “imma jekk hu hekk, hemm ċans li traġedja simili terġa’ tiġri.”
“Biex inkun ċara, mhux qed ngħid li huma ħżiena, imma jekk bħali ma’ tifhmux, ġibu bennej li jifhem ħalli jara li x-xogħol hu magħmul sew,” temmet tgħid Maria Schembri.