Spazju Abbandunat Ta’ 8,500 Metru Kwadru Se Jinbidel F’Picnic Area, B’Tislima Għall-memorja Tat-Tabib Victor Calvagna
Żona abbandunata ta’ madwar 8,500 metru kwadru fil-Mosta se tkun riġenerata f’picnic area għat-tgawdija tal-pubbliku. Iż-żona se tisbieħ bi tħawwil ta’ aktar siġar u installazzjoni ta’ numru ta’ picnic benches.
Parks Malta se tkun responsabbli mill-manutenzjoni u ż-żamma ta’ din iż-żona miftuħa.
Numru minn dawn is-siġar se jitħawlu bħala tislima għall-memorja tat-Tabib Victor Calvagna. Fil-fatt, f’inizjattiva ma’ Puttinu Cares, Parks Malta se tħawwel siġra għal kull donazzjoni ta’ €300 jew aktar lil Puttinu. Kull siġra se ġġorr tabella li ssellem il-memorja ta’ dawk li ħallew din id-dinja minħabba l-marda kiefra tal-kanċer, jew ta’ dawk li għelbuha.
Aktar siġar se jitħawlu f’siti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ Parks Malta.
Din l-inizjattiva qed tittella’ bħala parti mill-maratona ġbir ta’ fondi ta’ Puttinu Cares nhar il-Ġimgħa l-Kbira. L-għan ta’ din il-maratona huwa li tagħti appoġġ lil pazjenti u l-familjari tagħhom, filwaqt li se tinbena akkomodazzjoni ġdida fl-Ingilterra.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli, id-Direttur Ġenerali ta’ Parks Malta Adrian Attard u s-CEO ta’ Puttinu Cares Rennie Zerafa.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li l-għan ta’ din l-inizjattiva hija li tibqa’ mfakkra l-memorja ta’ Dr Calvagna li kien ta’ spalla u ta’ faraġ għal diversi pazjenti u familji Maltin.
“Għal diversi snin, Dr Calvagna u t-tim kollu ta’ Puttinu Cares kienu raġġ ta’ dawl għal diversi pazjenti tfal u l-familji tagħhom f’mumenti tant diffiċli. Għalhekk bix-xieraq li nibqgħu niċċelebraw il-memorja u l-ħidma li Dr Calvagna għamel ma’ bosta pazjenti, kemm dawk li sfortunatament ħallewna kif ukoll lil dawk li għelbu l-isfida tal-kanċer,” saħqet il-Ministru Dalli.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Puttinu Cares Rennie Zerafa qal li, “Kull min joffri pledge lil Puttinu fil-Ġimgħa l-Kbira, se nkunu qed inħawwlu siġra f’isem xi ħadd għażiż għalik. B’hekk inkunu qed inkomplu ngħinu lil pazjenti li jiġu bżonn akkomodazzjoni l-Ingilterra filwaqt li nsebbħu l-ambjent.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li l-gvern u Parks Malta impenjati biex bil-ħidma tagħhom joffru aktar spazji miftuħa għat-tgawdija tal-pubbliku ġenerali. Żiedet tgħid li qed tħares ’il quddiem għal iktar proġetti bħal dawn biex jitgawdew mill-pubbliku fil-lokalità tagħhom stess.
Preżenti għat-tnedija ta’ dan il-proġett kien hemm il-familja ta’ Dr Victor Calvagna.