Stennija Biex Fi Ftit Sigħat Oħra Jibda L-Vjaġġ Appostoliku Tal-Papa Franġisku F’Malta

 Stennija Biex Fi Ftit Sigħat Oħra Jibda L-Vjaġġ Appostoliku Tal-Papa Franġisku F’Malta

Wara tant stennija llum pajjiżna se jkun qed jilqa’ lill-Papa Franġisku. Huwa se jkun qed jagħmel żjara ta’ jumejn bit-tema, ‘Ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha.’ Din it-tema hija meħuda mill-Atti tal-Appostli b’referenza għall-Maltin meta laqgħu fosthom lil San Pawl.

Ilbieraħ wara nofsinhar il-Papa Franġisku żar il-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore f’Ruma biex jinġabar fit-talb u jafda l-vjaġġ Appostoliku tiegħu f’Malta taħt il-ħarsien tal-Madonna.

Il-Papa Franġisku mistenni jasal Malta fl-10am b’titjira minn Ruma. Fl-ajruport il-Papa se jkun qed jingħata merħba f’ċerimonja qasira. Fil-10:50am il-Papa mistenni jasal fil-Belt Valletta fejn se jkun qed jagħmel żjara ta’ korteżija lill-President tar-Repubblika George Vella fis-Sala tal-Ambaxxaturi, fil-Palazz tal-Gran Mastru.

Għall-ħabta tal-11:35am il-Papa Franġisku se jkollu laqgħa mal-Prim Ministru Robert Abela fis-Sala tal-Paġġi u għall-ħabta tal-11:50am se tkun qed isir laqgħa mal-Awtoritajiet u l-Korp Diplomatiku ta’ Malta fis-Sala tal-Gran Kunsill tal-Palazz tal-Gran Mastru.

Fl-3:50pm il-Papa Franġisku se jkun qed jitlaq bil-katamaran mill-Port il-Kbir lejn Għawdex.

Għall-ħabta tal-5pm il-Papa se jkun qed jasal fil-Port tal-Imġarr, f’Għawdex.

Il-Papa mill-Imġarr se jkun qed jaqbad it-triq lejn is-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna ta’ Pinu fejn fil-5:30pm il-Papa se jkun qed imexxi laqgħa ta’ talb b’omelija mill-Papa Franġisku.

Il-Papa se jkun qed jitlaq lura lejn Malta fis-6:45pm u jasal fil-Port taċ-Ċirkewwa fis-7:30pm.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com