Tfajla Ta’ 24 Sena Tindarab Serjament Wara Ħabta F’Ħal Għargħur
Tfajla ta’ 24 sena weġġgħet serjament wara li kienet involuta f’aċċident tat-traffiku li seħħ dalgħodu, għall-ħabta tas-6am, fi Triq in-Naxxar, Ħal Għargħur.
Fi stqarrija l-Pulizija qalet li marret minnufih fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li kien seħħ inċident bejn Mercedes C220 misjuqa minn Niġerjan ta’ 23 sena li joqgħod is-Swieqi, u Mercedes Benz SLK250 misjuqa minn mara ta’ 28 sena mill-Iklin. Fl-ewwel vettura kien hemm ukoll mara ta’ 24 sena residenti n-Naxxar.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku sabiex jassisti u ambulanza ħadet lill-mara u n-Niġerjan l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Aktar tard, il-mara ġiet iċċertifikata li weġġgħet serjament filwaqt li l-kundizzjoni tar-raġel għadha pendenti.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Elaine Mercieca ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.