Tfittxija Għal Raġel Li Aggredixxa Ieħor B’Arma Bil-Ponta F’Garaxx Fil-Mosta
Il-Pulizija tinsab għaddejja bi tfittxija għal raġel li lbieraħ għall-ħabta tat-3:30pm aggredixxa raġel ta’ 57 sena mill-Mosta b’daqqa ta’ arma li taqta’ u bil-ponta, f’garaxx fi Triq l-Isperanza, il-Mosta.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li kien qam argument bejn żewġt irġiel, il-vittma u r-raġel l-ieħor li laħaq telaq minn fuq il-post sakemm waslu l-pulizija. Jidher li waqt l-argument ġiet użata arma li taqta’ u bil-ponta.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku sabiex jassisti, u ambulanza ħadet lir-raġel l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa, fejn ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Gabriella Vella li ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.