Titħassar Il-Purċissjoni Tal-Ġimgħa L-Kbira Tan-Naxxar
Sorsi nfurmawna li l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fin-Naxxar tħassret. Dan wara laqgħa li saret fil-Kolleġġjata bejn dawk involuti fil-loġistika tal-purċissjoni.
In-Naxxar jinsab fuq għolja u r-riħ li qed jaħkem bħalissa huwa ta’ periklu u ħsara kemm għall-vari u anke għall-pubbliku li jkun preżenti.
Jidher li din id-deċiżjoni ttieħdet kontra qalb l-organizzaturi imma għall-ġid ukoll tal-aspett artistiku tal-vari. Il-purċissjoni Naxxarija hija waħda mill-eqdem f’pajjiżna u mgħammra b’vari mill-isbaħ ta’ artisti magħrufa kif ukoll b’ilbies tal-personaġġi maħduma fuq Oberammergau fil-Ġermanja.
Kellimna lill-Arċipriet il-Kanonku David Gauci li qalilna: “Ħadna din id-deċiżjoni kemm għas-sigurtà tal-pubbliku u anke favur il-patrimonju kulturali. Tajjeb li ma nqabblux raħal ma’ ieħor għax iċ-ċirkostanzi huma differenti minn post għall-ieħor. Għandek irħula li jaffordjaw iżjed kenn mentri n-Naxxar kulħadd jaf li Vjal il-Labour hija totalment miftuħa inkluż il-pjazza nnifisha. Ma nixtiequx li ssir ħsara li wara jiddispjaċina. Nifhem li lkoll xtaqna li l-purċissjoni ssir u ħdimna bis-sħiħ għaliha.”