Titnieda Skema Għall-Għaqdiet Volontarji Biex Jinvestu F’Sistemi Effiċjenti Tal-Enerġija U L-Ilma
Mit-tieni ġimgħa ta’ Mejju, għaqdiet volontarji se jkollhom l-opportunità sabiex japplikaw għal skema maħruġa mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma u l-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat. Din l-iskema se ssir b’investiment ta’ nofs miljun ewro u se tgħin biex dawn l-għaqdiet jinvestu f’apparat u tagħmir aktar effiċjenti.
Il-Ministru Miriam Dalli u l-Ministru Julia Farrugia Portelli spjegaw li għaqdiet volontarji bħal klabbs sportivi, social support klabbs, u għaqdiet ambjentali, fost l-oħrajn, se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn din l-iskema li se tipprovdi għajnuna sabiex jinxtraw sistemi moderni ta’ użu ta’ dawl u ilma.
Għaqdiet volontarji jistgħu japplikaw biex isir xogħol ta’ restawr ta’ ġwiebi, installazzjoni tat-tieni network tad-distribuzzjoni tal-ilma biex jintuża għal ħażna tal-ilma tax-xita, kif ukoll jitjieb il-fluss tal-ilma, fost numru ta’ xogħlijiet oħra. Permezz ta’ din l-iskema, l-applikanti jistgħu jtejbu wkoll is-sistemi tal-water heating, jibdlu makkinarju, u jingħataw għajnuna għal sistemi ta’ dawl aktar effiċjenti.
“L-għan aħħari tagħna huwa li jkollna soċjetà li hi aktar ambjentalment sostenibbli f’kull qasam u settur fis-soċjetà. Għalhekk huwa ta’ sodisfazzjoni għalina li ngħinu lil kull min jixtieq ikun aktar sostenibbli. Dan il-gvern se jibqa’ jkun ta’ spalla biex b’hekk inkomplu nimxu flimkien lejn pajjiż iktar sostenibbli,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli aċċennat għar-rieda tal-gvern li jkompli jinvesti fl-1,747 għaqda volontarja li hawn f’pajjiżna. “Il-gvern, permezz ta’ numru ta’ skemi ambjentali immirati għall-għaqdiet volontarji, assigura li ma jilħqux biss l-iskopijiet soċjo-ekonomiċi. Il-voluntiera u l-għaqdiet volontarji huma meqjusin mill-gvern bħala stakeholders prinċipali u fibra soċjali importanti fit-tiswir tas-soċjetà Maltija.”
Preżenti għat-tnedija tal-iskema kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-EWA s-Sur Manuel Sapiano, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill għas-Settur tal-Volontarjat Mauro Pace Parascandalo u l-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji Jesmond Saliba.
Dawk interessati japplikaw għal din l-iskema jistgħu jattendu sessjoni ta’ informazzjoni online nhar il-Ħamis, 5 ta’ Mejju.
Ritratt: DOI