Titnieda T-Tieni Edizzjoni Tal-Konferenza Nazzjonali Dwar ‘L-Istat Tan-Nazzjon’

 Titnieda T-Tieni Edizzjoni Tal-Konferenza Nazzjonali Dwar ‘L-Istat Tan-Nazzjon’

Il-konferenza nazzjonali dwar ‘L-Istat tan-Nazzjon’, fuq inizjattiva tal-konsulent dwar il-komunikazzjoni strateġika Lou Bondì u l-istatistiku u lettur universitarju Vincent Marmarà, b’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-President, se ssir għat-tieni sena konsekuttiva – din is-sena fid-9 ta’ Ġunju fil-Palazz tal-Verdala. Marbut ma’ din il-konferenza se jerġa’ jsir studju xjentifiku fost il-poplu Malti dwar kif qed tevolvi l-identità nazzjonali Maltija.

Fit-tnedija ta’ din l-edizzjoni, il-President ta’ Malta, George Vella, qal biex nifhmu sew dak li se joħroġ mill-istħarriġ, tajjeb li nqisu l-kuntest, kemm lokali kif ukoll globali, li fih qed jitnieda dan l-istħarriġ. Il-President Vella għamel referenza fost oħrajn għall-elezzjoni ġenerali, għaż-żjara tal-Papa Franġisku f’Malta, għall-effetti tal-Pandemija, kif ukoll għall-istabbilità fil-livell internazzjonali li qed tkompli tiġi mheżża mill-Gwerra fl-Ukrajna. Żied li jkun interessanti ħafna li wieħed jara jekk dawn l-iżviluppi hux se jkollhom impatt fuq kif jaħsbuha ċ-ċittadini, u jekk hux se jkun hemm bidliet minn dak li ħareġ mill-istħarriġ tal-2021.

Il-President innota li ħafna mit-temi li se jiġu annalizati jorbtu mal-appell kostanti tiegħu għall-għaqda bejnietna. Spjega li l-intenzjoni tiegħu hija li permezz tal-istħarriġ jiġu identifikati dawk l-oqsma li għad fadlilna x’nagħmlu iktar dwarhom b’mod kollettiv, bil-għan li tkompli titjieb il-kwalità tal-ħajja, u mhux mill-aspett ekonomiku biss. Filwaqt li ħeġġeġ lill-pubbliku biex jieħu sehem fil-Konferenza dwar l-Istat tan-Nazzjon, il-President qal li din minnha nnifisha għandha tkun eżempju ta’ kif wieħed għandu jiddibatti bil-fatti f’idu, bla ma juża ton arroganti u jwaqqa’ l-opinjoni ta’ ħaddieħor.

Vincent Marmarà spjega li l-informazzjoni se tibda tinġabar mis-27 ta’ April 2022 minn fost kampjun ta’ 1,064 persuna minn 16-il sena ’l fuq. Qal li l-interess prinċipali mhux li jsiru magħrufa l-opinjonijiet fuq ħaġa partikolari jew avvenimenti differenti, iżda li wieħed iħares aktar fil-fond lejn dak li jista’ jwassal għall-formazzjoni tal-prinċipju u l-opinjoni tal-poplu.

Lou Bondi ħabbar li d-diskussjoni fil-konferenza nazzjonali mistennija tmiss ma’ wħud mill-aktar materji importani li jiddefenixxu fejn qiegħed in-nazzjon illum – l-ambjent, is-saltna tad-dritt, l-għeruq tad-diviżjonijiet, il-korruzzjoni, il-fizjonomija tal-istat u oħrajn. Fost dawk li diġà kkonfermaw is-sehem tagħhom hemm il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com