Tlesta X-Xogħol T’Immodernizzar Taċ-Ċentru Ta’ Distribuzzjoni F’Ħal Tarxien
L-Enemalta lestiet ix-xogħlijiet ta’ titjib u l-immodernizzar taċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni tal-elettriku f’Ħal Tarxien. Ix-xogħlijiet saru fuq medda ta’ diversi xhur biex inbidlu tliet transformers ta’ madwar 50 tunnellata-il wieħed.
L-Inġiniera u tekniċi tal-Enemalta installaw u għamlu x-xogħlijiet kollha meħtieġa b’mod li fl-ebda ħin ma kienet sospiża l-provvista tal-elettriku t’eluf ta’ klijenti li jiddependu minn dan iċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni li miegħu hemm imqabbda 166 substation mill-Kottonera sa’ Ħal Luqa.
Dan l-investiment li jaqbeż żewġ miljun ewro ser jipprovdi lill-Enemalta l-kapaċità li tlaħħaq mad-domanda akbar u jipprovdi aktar stabbilita’ fis-sistema tal-provvista tal-elettriku fil-lokalitajiet li jiddependu fuq dan iċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni.
Bit-trasformers il-ġodda, spjega l-inġinier Karl Xerri l-manutenzjoni fuq transformers tkun tista’ ssir mingħajr il-ħtieġa li tiġi sospiża l-provvista tal-elettriku. Żied jispjega li dawn it-tliet transformers għandhom teknoloġija ta’ sorveljanza kontinwa u sistema li tiżgura li ż-żejt fit-transformers jinżamm f’kundizzjoni tajba mingħajr il-bżonn li kull sena jintbagħtu kampjuni taż-żejt għall-ittestjar f’laboratorju speċjalizzat barra minn Malta.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli qalet li “L-Enemalta mpenjata tkompli ssaħħaħ is-sistema ta’ distribuzzjoni tagħha. Dan il-proġett jagħmel parti mil-pjan ta’ investiment ta’ €90 miljun li l-Enemalta ħabbret aktar kmieni din is-sena. Dan il-pjan se jkun qed jiġi mplimentat fuq medda ta’ sitt snin biex tkompli tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku. Mil-bidu ta’ din is-sena saru diversi xogħolijiet bit-tqiegħed ta’ cables, bdil ta’ feeders, kif ukoll saru upgradres f’uħud mis-substations f’diversi lokalitajiet”.