Tliet Irġiel L-Isptar Wara Argument Fil-Ħamrun
Kmieni dalgħodu, għall-ħabta tas-siegħa, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq Mile End, il-Ħamrun.
Il-Pulizija marret fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari rriżulta li kien seħħ argument bejn grupp ta’ nies u waqt dan l-argument tlitt irġiel mis-Sirja li għandhom 24, 29 u 31 sena, sofrew xi ġrieħi.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku sabiex jassisti, u ambulanzi ħadu lill-irġiel l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Aktar tard, ir-raġel ta’ 31 sena ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi, filwaqt li loħrajn ġew iċċertifikati li weġġgħu ħafif.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.