Uffiċini Fil-Kalkara Jinbidlu F’Residenza Għal 10 Familji Ukreni

 Uffiċini Fil-Kalkara Jinbidlu F’Residenza Għal 10 Familji Ukreni

Uffiċini li jinsabu l-Kalkara u li jospitaw il-ħaddiema tal-Kenup u l-EDU, bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija ġew trasformati f’residenza għal għaxar familji Ukreni li ħarbu minn pajjiżhom li huwa mġarraf bil-gwerra. L-impjegati ġew mitluba li jaħdmu mid-dar u flok l-iskraviniji u s-siġġijiet tagħhom tpoġġew sodod, gwardarobbi u affarijiet oħra ta’ bżonn biex tiġi kkreata ‘dar ’il bogħod mid-dar’ għal dawn il-familji. Il-familji se jitħallew joqogħdu sakemm ikun hemm bżonn u mhux se jħallsu għall-akkomodazzjoni u għas-servizzi li qed jiġu provduti, inkluż ikliet regolari mill-EsploraCafé.

Il-familji ġew Malta mill-Ajruport ta’ Warsaw permezz ta’ titjiriet b’xejn. It-titjiriet ġew organizzati permezz tas-sapport tal-Kaptan Charles Pace u impjegati oħra ta’ Transport Malta. Il-familji ġew milqugħa l-ajruport u ttieħdu f’akkomodazzjoni li ġiet provduta minn DB group, fejn qagħdu kwarantina.

L-uffiċini ġew konvertiti fi kmamar tas-sodda u living areas bl-għajnuna tal-impjegati tal-MCST u voluntiera oħra. Is-sodod ġew provduti mingħajr ħlas minn Futura Woodworks, is-saqqijiet minn Vassallo Group, l-għamara tal-kmamar tas-sodda minn Construct Furniture, l-appliances minn ‘James Caterers’ u ‘Ventura’, il-kmamar tal-banju minn Keramit u l-finishes minn Xuereb Installations. Il-voluntiera tas-Soċjetà Mużikali S.Gużepp Ħamrun sponsorjaw il-biċċa l-kbira tax-xogħlijiet l-oħra meħtieġa biex jinbiddlu f’uffiċini. Dr Stephen Spiteri, it-tabib u Membru Parlamentari lokali, qed jipprovdi servizzi mediċi lill-familji. Il-klinika ‘Smile Centre’ f’Ħaż-Żebbuġ ħa tkun qed tipprovdi servizz ta’ trattament tas-snien fejn meħtieġ mingħajr ħlas.

De La Salle College qed jipprovdu faċilitajiet tal-isport lill-famiji. ‘Blue Door English’ u ‘IDEA Academy’ se jkunu qed jipprovdu servizzi edukattivi. Sponsors oħra jinkludu Mizzi Organisation, Paramount, il-Komunità Indjana f’Malta, Tiptoes, FTIAS, Noir et Blanc u Mahoney’s Hair Salons, Qualia Malta, Protrade u Mġarr Primary School. Bosta individwi oħra provdew il-provvisti l-oħra kollha meħtieġa waqt kampanja ta’ donazzjonijiet organizzata matul il-ġimgħat li għaddew.

Fl-intervent qasir li għamel waqt il-konferenza stampa, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-MCST u Direttur tal-Kenup Jeffrey Pullicino Orlando qal “Huwa verament ta’ kuraġġ li nara li l-mistednin Ukreni tagħna jinsabu kuntenti ssetiljati fid-dar tagħhom f’Malta. M’hemmx kliem biex niddeskrivi l-apprezzament tiegħi għall-għajnuna kollha li rċevejna għal din l-inizzjattiva, speċjalment għall-merħba sabiħa li ngħataw dawn il-familji mit-tim tiegħi fil-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija.”

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kenup Holm Keller qal “Nixtieq nirringrazzja li dawk kollha li għenuna nipprovdu kenn sigur lil dawn il-familji. Nixtieq nirringrazzja lil EDU għas-support tagħhom, kif ukoll lil KoDirettur Jeffrey Pullicino Orlando li kien strumentali fit-twaqqif tar-residenza u li provda l-ikel lill-familji.”

Iċ-Chief Operating Officer ta’ EDU, Alexandra Cosma qalet “Aħna f’EDU, istituzzjoni medika Maltija ta’ edukazzjoni ogħla, nirrikonoxxu li l-missjoni tagħna biex nipprovdu edukazzjoni medika ta’ kwalità għolja trid tmur lil hinn mix-xogħol tas-soltu biex ngħinu lil dawk milquta minn din il-gwerra. Ilna nistinkaw mill-bidu nett sabiex nipprovdu appoġġ sinifikanti lill-poplu tal-Ukrajna. Grati ħafna lejn it-tim tagħna talli kkontribwixxew kemm flimkien kif ukoll bħala individwi billi kienu voluntiera fil-fruntieri tal-Ukrajna biex jipprovdu kura ta’ emerġenza u trasport, billi ospitaw lir-refuġjati Ukreni, u talli offrew korsijiet tal-integrazzjoni tal-lingwa.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com