Vot Qawwi Fil-Parlament Ewropew Favur Żewġ Derogi Importanti Dwar Il-Mediċini F’Malta
Iż-żewġ derogi li kienu nnegozjati mill-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer dwar l-importazzjoni ta’ mediċini u prodotti farmaċewtiċi mir-Renju Unit lejn Malta, l-Irlanda u Ċipru għaddew b’vot b’saħħtu fil-Parlament Ewropew illum waranofsinhar.
Il-Parlament Ewropew issa qabel li Malta tkun tista’ tibqa’ timporta mediċini mir-Renju Unit għat-tlett snin li ġejjin.
“Dawn id-derogi kienu importanti ħafna għal Malta biex tibqa’ tiġi assigurata l-provista tal-mediċini li aħna storikament dipendenti fuqhom. Il-mediċini li nafu, nafdaw u imodrrijin bihom – hekk kif dawn kellhom jieqfu jinbiegħu fis-suq Ewropew, konsegwenza tat-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea,” spjega Engerer. “B’ hekk, aħna l-Maltin u Għawdxin xorta waħda ser ikollna aċċess għal dawn il-mediċini li huma wżati b’mod naturali f’pajjiżna,” saħaq Engerer.
Huwa sostna li huwa d-dmir tal-Unjoni Ewropea li tassigura li kull ċittadin tal-Unjoni Ewropea, irrispettivament mill-liem pajjiż ikun ġej, ikollu aċċess għall-mediċini u kura affordabbli. Dan hu possibbli biss jekk l-Istati Membri kollha jaħdmu flimkien, u jifhmu s-sitwazzjonijiet partikolari li jaffetwaw ċertu pajjiżi b’mod individwali – bħal ma’ ġara f’dan il-każ għal Malta.
“Il-mediċini u l-prodotti farmaċewtiċi huma essenzjali, u l-ebda avveniment m’għandu jwaqqaf dan id-dritt lejn iċ-ċittadini Ewropej, u hekk beħsiebni nkompli nisħaq fil-Parlament Ewropew,” temm jgħid Engerer.