Żewġt Irġiel Arrestati Eżatt Wara Li Wettqu S-Serqa
Illum, għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ waranofsinhar, il-Pulizija ġiet infurmata li żewġt irġiel armati b’sikkina, wettqu serqa fuq bejjiegħ tal-ħaxix fi Triq l-Ewwel Titjira 1915, f’Ħal Kirkop.
Il-Pulizija tad-Distrett, tar-Rapid Intervention Unit u dawk mid-Dipartiment tar-Reati Maġġuri bdew minnufih bl-investigazzjonijiet u tfittxijiet għall-persuni involuti li ħarbu minn fuq il-post permezz ta’ vettura u ammont ta’ flus kontanti.
Madwar nofsiegħa wara, l-istess vettura li allegatament intużat waqt is-serqa, intlemħet minn uffiċjali tad -Dipartiment tar-Reati Maġġuri tinstaq fi Triq il-Mitħna, Ħal Qormi. Minnufih l-uffiċjali saqu wara l-karozza tal-għamla Peugeot 108, waqfuha u arrestaw raġel ta’ 34 residenti ż-Żurrieq u ieħor ta’ 46 sena, residenti Santa Venera.
Waqt l-arrest il-Pulizija elevat ukoll madwar 7 qratas droga suspettata eroina.
Iż-żewġt irġiel huma suspettati li fl-aħħar jiem wettqu ukoll sensiela ta’ serqiet fl-akwati ta’ Ħal Qormi u l-Ħamrun.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.