44 Għaqda Volontarja Jgawdu Minn Skema Biex Jagħmlu Proġetti Fil-Komunità
Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli ħabbret li 44 għaqda volontarja se jgawdu mill-iskema Kwalità tal-Ħajja, maħruġa fi Frar li għadda.
Din l-iskema, b’allokazzjoni ta’ €50,000, hija mmirata biex tkun ta’ għajnuna għall-għaqdiet volontarji biex permezz ta’ ħidmiethom ikunu jistgħu jwettqu proġetti fil-komunità u jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-pubbliku. L-għaqdiet volontarji li bbenefikaw minn din l-iskema jvarjaw minn għaqdiet volontarji ambjentali, kulturali, sportivi, każini tal-banda, kif ukoll dawk li jaħdmu fis-settur soċjali.
Fl-intervent tagħha, il-Ministru Julia Farrugia Portelli rrimarkat kif mhumiex biss l-44 għaqda volontarja li se jkunu qed jibbenefikaw minn din l-iskema, iżda eluf ta’ persuni li se jmissu mal-proġetti mwettqa minn dawn l-għaqdiet volontarji. Il-Ministru rreferiet għal din l-iskema bħala ħolqa oħra minn sensiela ta’ skemi għall-għaqdiet volontarji li permezz tagħhom issir ħidma għal soċjetà u Malta aktar inklussiva.
Il-Ministru enfasizzat li l-għaqdiet volontarji se jibqgħu jsibu lill-Gvern ta’ spalla biex ħidmiethom tkompli tkun biex jintlaħaq il-ġid komuni u ħadd ma jitħalla jaqa’ lura. “Inħares ’il quddiem biex nara dawn il-proġetti jieħdu l-ħajja biex verament joffru kwalità ta’ ħajja aħjar għall-komunità,” ikkonkludiet il-Ministru Julia Farrugia Portelli.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Nancy Caruana saħqet li b’riżultat ta’ din l-iskema l-Gvern ried jenfasizza l-importanza fundamentali tal-għaqdiet volontarji bħala stakeholders ewlenin f’pajjiżna.
Is-Segretarju Permanenti temmet billi rringrazzjat lill-għaqdiet volontarji kollha għax-xogħol tagħhom li jsir fis-skiet u b’dedikazzjoni kbira.
Ritratti: DOI